
It-triq lejn dinja ċibernetika aktar sigura
L-MPE Marlene Mizzi torganizza konferenza pubblika għal iktar għarfien dwar cyber-bullying u abbużi online oħra

More in Politika
L-MPE Marlene Mizzi torganizza konferenza pubblika għal iktar għarfien dwar cyber-bullying u abbużi online oħra
Il-world wide web ġab miegħu aċċess għall-informazzjoni bla limiti u rivoluzzjoni fid-dinja kollha. Il-mod kif naħsbu, immexxu negozju, nikkomunikaw u niddevertu kollha nbidlu permezz tal-internet. Min-naħa l-oħra, l-internet ġab ukoll sfidi ġodda u, filwaqt li rridu nissalvagwardjaw il-prinċipji ta’ internet liberu, irridu nassiguraw li ċ-ċittadini huma protetti minn kull forma ta’ abbuż, inklużi bullying online u perikli diġitali oħrajn. L-għan tal-konferenza “Type In LOVE, Type Out Hate” huwa li żżid l-għarfien dwar is-cyber-bullying, l-abbuż tat-tfal online u reati ċibernetiċi oħrajn, biex inkunu nistgħu nipprevjenuhom u nilqgħuhom għalihom. Din il-konferenza fuq il-perikli diġitali għandha tgħin biex ikun hawn viġilanza u attenzjoni dwar il-perikli possibbli trawmi konsegwenzjali li nistgħu niltaqgħu magħhom online.
Nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ April, 2017, l-Onor. Marlene Mizzi MPE se torganizza l-konferenza pubblika “Type in LOVE, Type Out Hate” fl- Excelsior Hotel il-Floriana, bl-appoġġ tal-grupp tal-S&D fil-Parlament Ewropew, mid- 9.00 a.m. sas-1.00 p.m.
Bħala kelliema u shadow rapporteur fuq l-opinjoni tal-kumitat CULT “Combating the sexual abuse and sexual exploitation of children and child pornography”, L-MPE Mizzi temmen li l-politiċi għandhom id-dover li jipproteġu lit-tfal tagħna, li huma l-pilastri tas-soċjetà tagħna. Dawk kollha li huma mħassbin bil-perikli li toffri d-dinja diġitali lit-tfal tagħna, m’għandhomx jitilfu din il-konferenza.
Il-konferenza “Type In LOVE, Type Out Hate” se tlaqqa’ għadd ta’ stakeholders inklużi żgħażagħ, ġenituri u edukaturi, policy makers tal-Gvern u organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili biex jiddiskutu flimkien din il-forma ġdida ta’ bullying – is-cyber-bullying, kif ukoll l-abbuż sesswali tat-tfal online. Se turi l-benefiċċji kif ukoll il-problemi potenzjali li nsibu online. Se jipparteċipaw fiha kelliema u esperti ewlenin minn Malta u l-Unjoni Ewropea li se jippreżentawlna strateġiji ta’ prevenzjoni u intervent, aġġornamenti leġiżlattivi u suġġetti oħrajn relatati mas-cyber-bullying. Fuq kollox, din se tkun opportunità tad-deheb biex naqsmu l-fehmiet tagħna dwar kif għandna nimxu ‘l quddiem.
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, se tagħmel id-diskors tal-ftuħ. Diskorsi ewlenin se jsiru mill-Onor. Michael Farrugia, Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali; l-Onor. Emanuel Mallia, Ministru għal Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Qasam Marittimu u Servizzi; u l-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Kelliema oħrajn jinkludu lil Pauline Miceli, il-Kummissarju għat-Tfal; Dunstan Hamilton, Uffiċjal tal-Edukazzjoni tal-PSCD (Personal, Social, and Career Development); Sandra Cortis, services manager tas-Servizzi Edukattivi Psiko-Soċjali fi ħdan id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti; rappreżentanti mill-Pulizija tal-Kriminalità Elettronika, l-MCA, u rappreżentanti oħrajn minn organizzazzjonijiet li huma involuti fil-ġlieda kontra dan ir-reat gravi. Il-Prof. Andrew Azzopardi se jmexxi l-konferenza.
Id-dħul għal “Type in LOVE, Type Out Hate” huwa b’xejn. Se jkun servut l-ikel għal dawk li jattendu għall-konferenza. Min huwa interessat għandu jibbukkja post billi jirreġistra online fuqhttp://mizzimarlene.com/register/, jibgħat email lil [email protected] jew billi jċempel fuq 21 226 845. Il-postijiet se jinżammu fuq bażi ta’ first come, first served.