
Il-UĦM tikkundanna kummenti mhux xierqa li ntqalu fuq il-carers
Il-UĦM titlob li l-carers mal-anzjani, li jagħtu servizz mitqlu deheb, jinġibilhom ir-rispett li jistħoqqilhom tax-xogħol li jwettqu

More in Politika
Il-UĦM titlob li l-carers mal-anzjani, li jagħtu servizz mitqlu deheb, jinġibilhom ir-rispett li jistħoqqilhom tax-xogħol li jwettqu
“Il-carers huma ħolqa importanti fil-qasam tas-saħħa u jagħtu servizz mitqlu deheb b’risq il-kura u l-ħarsien tal-anzjani”. Dan iddikjaratu l-UĦM (Voice of the Workers( b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Union Maltija għall-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN) nhar it-Tlieta 11 ta’ April 2017.
Il-UĦM innotat il-lingwaġġ li ntqal fil-konferenza tal-aħbarijiet u li matulha ntużaw aġġettivi mhux xierqa fil-konfront tal-carers li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Charles Vella, Employment Relations Assistant Manager, li jirrappreżenta l-carers membri fil-UĦM, stqarr li hu minnu li ssemmew il-carers tal-kuntrattur iżda fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħatat l-impressjoni li l- carers kollha qed jabbużaw jew li huma illitterati. Għaldaqstant meta wieħed jisma’ tali diskors u ssir referenza għall-carers, il-pubbliku ġenerali ma jagħmilx distinzjoni bejn il-carers impjegati mal-kuntrattur u l-carers impjegati mal-Gvern.
Charles Vella fisser li l-carers li ssemmew mill-MUMN, li jibdlu l-ħrieqi tal-anzjani, mhux veru li jorqdu matul il-lejl. Anzi kien sar ftehim biex dawn jgħinu lill-kollegi tagħhom tal-kuntrattur fejn hemm in-nuqqas tal- compliment fis-swali.
Irid jintqal li l-carers ma jkollhomx biss sala waħda imma aktar minn waħda. Charles Vella qal li jekk qed ikun allegat li xi anzjani qed jitħallew b’xi problema, mela allura l-infermieri tas-sala mhux qed jaqdu dmirhom sew għax huma suppost jagħmlu s-superviżjoni.
L-Employment Relations Assistant Manager saħaq li l-attakki li qed isiru kontra l-carers qed jitwettqu għax żdied in-numru tal-carers fis-swali.
Il-UĦM tistaqsi għaliex żdiedu l-carers? Mhux għax il-MUMN ordnat direttivi biex l-infermieri ma jaħslux lill-anzjani? B’riżultat ta’ dan il-piż tax-xogħol waqa’ fuq il-carers. Għalhekk ittieħdet azzjoni sabiex ix-xogħol jibqa’ miexi mingħajr ebda skariġġ fuq ħadd – speċjalment fuq il- carers. Iżda x-xogħol fil-ħasil tal-anzjani żdied għall-carers u kawża ta’ dan wieħed ma setax iħalli kollox għaddej qisu xejn m’hu xejn. Il-UĦM Voice of the Workers flimkien mal-General Workers’ Union (GWU) riedu jipproteġu lill-carers u nsistew li jiżdied in-numru tagħhom fis-swali biex ilaħħqu mal-pazjenti anzjani. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-UĦM Voice of the Workers qed tara li l-MUMN qisha qed tħares lejn id-Dipartiment bħala wieħed ħali u li ħela l-flus fuq il-carers flok nefaqhom fuq ħaddieħor.
Il-UĦM tisħaq li kull ħaddiem hu importanti u bżonnjuż filwaqt li tenfasizza li ħadd m’għandu jkasbar sezzjoni oħra ta’ ħaddiema u jaħseb li hu aktar importanti. Il-carers huma ħolqa oħra fil- qasam tas-saħħa u jekk hemm min qed jiddubita r-rwol importanti tal-carers, il-UĦM hi disposta li tesponi l-verita’. “Ħadd ma għandu d-dritt jikkritika lil ħaddieħor speċjalment biex jieħu vantaġġ,” sostna Charles Vella, filwaqt li żied li wieħed jifhem li hemm affarijiet x’jitranġaw biex ix-xogħol li jsir mal-anzjani jitjieb.
“Imma qabel ma xi ħadd jipponta subajgħ lejn sezzjoni oħra ta’ ħaddiema oħra, wieħed irid janalizza s- sezzjoni tiegħu biex jara jekk hix perfetta,” temm jgħid l-Employment Relations Assistant Manager tal-UĦM Voice of the Workers.