21 lukanda fil-Belt Valletta sal-aħħar tas-sena ... u €30 miljun għar-residenti Beltin
- Ma’ Jason Micallef l-ILLUM tħares lejn il-preparamenti għall-2018 ... is-sena tal-Belt Valletta
- €30 miljun għall-Mandraġġ, Marsamxett u ż-żona tal-Kamrata
- Erba' pjazzez se jkunu l-isfond galll-ftuħ tal-Valletta 2018
minn Albert Gauci Cunningham
Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu fetħu u qed joperaw 21 Boutique Hotel fil-Belt Kapitali ta’ Malta. Dan l-investiment privat, li huwa pjuttost ġdid għall-belt Valletta, qed isir hekk kif matul is-sena 2018 l-istess belt se tkun ‘inkurunata’ l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura’.
Żvela dan mal-ILLUM iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef li qal ukoll illi bejn 80% u 90% ta’ dan l-investiment privat fil-Belt Valletta, ikopri binjiet antiki li kienu fi stat ħażin, jew saħansitra fi stat dilapidat.
Dan l-investiment jingħaqad ma’ proġetti oħrajn għaddejjin bħalissa fil-belt kapitali, fosthom ir-riġenerazzjoni tas-Suq tal-Belt kif ukoll il-proġett tal-Pjazza Tritoni, li Micallef qal illi se tkun inawgurata uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar 2018.
F’kummenti mal-ILLUM, Micallef żvela wkoll illi l-Gvern se jkun qed jalloka €30 miljun li se jkunu investiti fiż-żoni ta’ Marsamxett, il-Mandraġġ u ż-żona fejn hemm il-Kamrata.
Dan il-proġett se jkun qed jibda wara l-Valletta 2018, biex b’hekk ma jsirx xogħol infrastrutturali f’perjodu kruċjali, kif ukoll biex jinħoloq sens ta’ kontinwità anke wara li tkun għaddiet is-sena 2018.
Dwar il-lukandi li se jkunu qed jiftħu Micallef qal lil din il-gazzetta illi mill-kuntatt kontinwu mas-sidien, jidher illi d-domanda hija waħda kbira u li “diġà mhumiex qed ilaħħqu mal-bookings. Mhux qed inkun ewforiku, dawn huma fatti,” sostna Micallef li fakkar ukoll kif dan l-investiment jimmarka l-ewwel u fost l-akbar sforz mill-privat għal akkomodazzjoni fil-belt kapitali Maltija.
Erba’ Pjazez. Ċelebrazzjoni waħda.
Intant Micallef żvela kif kollox se jibda fl-20 ta’ Jannar b’ċelebrazzjonijiet f’erba’ pjazez; San Ġorġ, San Ġwann, Kastilja u Pjazza Tritoni, “li se tkun inawgurata b’mod uffiċjali dakinhar u li se tkun l-akbar spazju pubbliku fil-Belt Valletta.”
“Iċ-ċelebrazzjoni se tinvolvi mijiet ta’ artisti minn madwar l-Ewropa u anke l-grupp kontemporanju Spanjol La Fura dels Baus. Dakinhar tal-ftuħ, il-Belt Valletta mistennija tara l-akbar ċelebrazzjonijiet li qatt saru. Kull attività ddum 30 minuta, bil-folla preżenti timxi minn pjazza għall-oħra matul il-lejl."
Huwa jgħid illi apparti ċ-ċelebrazzjonijiet kbar tal-ftuħ, is-sena se tinkludi l-akbar Festival tal-Barokk li qatt sar u anke l-inkorporazzjoni fil-programm ta’ attivitajiet oħrajn li jsiru anwalment fil-belt Valletta, fosthom il-Karnival ta’ Malta u l-Festival tal-Jazz.
“F’nofs Settembru se nkunu qed inħabbru l-programm kollu għal matul l-2018, fosthom se jerġa’ jittella l-Valletta Paegent of The Seas, bi spettakklu ikbar minn dak tas-sena l-oħra."
Minn Strada Stretta sas-Suq tal-Belt
Naturalment parti importanti ħafna mill-fatt illi l-Belt Valletta se tkun il-belt kapitali Ewropea tal-kultura hija d-dehra tal-istess belt. “Irridu nkomplu nagħtu ħajja lill-Belt Valletta,” jisħaq Micallef, “u nieħu pjaċir illi minkejja l-kritika inizzjali, l-avvenimenti u l-interess fi Strada Stretta qiegħed dejjem jikber, bl-investiment ta’ ċertu kwalità li qed isir f’din it-triq.”
Intant fuq in-naħa l-oħra tal-Belt Valletta bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol fuq dak li kien is-Suq tal-Belt, għal snin twal iċ-ċentru ta’ tant ħajja u negozju fil-Belt Valletta, imma mbagħad abbandunat bi ftit jew xejn ħajja.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 iddeskriva dan il-proġett bħala “wieħed mill-isbaħ proġetti li qed isir mill-privat, b’restawr tal-istruttura tal-ħadid, restawr tal-istruttura taħt l-art u bi 15% tal-ispazju riservat għal esebizzjonijiet u inizjattivi kulturali.” Micallef, ifakkar illi dan il-proġett se jkun qed joħloq sa massimu ta’ 140 post tax-xogħol ġdid u se jkun lest f’Ottubru ta’ din is-sena.
Mid-disinn sal-Muża
Micallef tkellem għal xi ħin dwar investiment kbir ta’ negozju mill-privat li mistenni jiftaħ fil-bidu tas-sajf fin-naħa t’isfel ta’ Strada Stretta, qabel imbagħad dar fuq proġett ieħor; Il-Valletta Design Cluster. Dan il-proġett qed isir fiż-żona fejn hemm il-binja tal-biċċerija l-antika u għandu l-għan li jservi ta’ katalist għall-iżvilupp urban f’żona li għal żmien twil tħalliet mitluqa.
Micallef jgħid illi dan huwa “wieħed mill-isbaħ proġetti tal-Fondazzjoni f’żona dilapidata li erġajna qed nagħtuha l-ħajja mill-ġdid. B’dan il-proġett se nkunu qed nagħtu imbuttatura ekonomika lil dawk li jkunu għadhom kif bdew il-karriera tagħhom.” Dan il-proġett mistenni jkun lest lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla.
Mid-disinn, Micallef jaqbeż għall-proġett tal-Mużew MUŻA, il-mużew tal-arti l-ġdid u dak li qed ikun ikkunsidrat bħala l-akbar proġett tal-Fondazzjoni. “Dan se jkun mużew state of the art, b’sistema interattiva biex għall-ewwel darba jkollna mużew li jista’ joffri ħarġa sabiħa għall-familja kollha, post fejn int u ddur tkun tista’ tinforma lilek innifsek dwar dak li qed tara, post fejn tista’ tieqaf u tistrieħ naqra, taqra ktieb jew tiekol xi ħaġa.”
Il-MUŻA se jkun qed isir fil-post fejn kien hemm l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, fil-Berġa tal-Italja. Dan il-bini kellu l-faċċata mill-isbaħ tiegħu rrestawrata, liema restawr issa jista’ jitgawda minn dawk kollha li jgħaddu min-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti.
Il-proġett mistenni jkun lest fil-perjodu Mejju/Ġunju 2018.
Intant, Micallef żvela mal-ILLUM illi apparti dawn il-proġetti hemm ukoll ir-restawr ta’ Palazzo Ferreria faċċata tat-Teatru Rjal, li għaddej bħalissa, tal-knisja tal-Ġiżwiti, se jibda restawr fuq il-binja illi fiha hemm il-Ministeru tas-Saħħa, fuq il-faċċata tas-Civil Union Club u għaddej xogħol ukoll fuq il-faċċati tal-binja fuq il-loġoġ xħin tidħol il-belt, fuq in-naħa li tħares lejn Triq l-Ordinanza.
L-importanza tal-kontinwità
Qabel nagħlqu l-intervista nfakkru illi minkejja l-injezzjoni ta’ investiment kemm mill-Gvern u anke mill-privat, il-Belt Valletta hija belt residenzjali wkoll. X’qed tagħmel il-Fondazzjoni biex ma jerġax ikollna sitwazzjoni ta’ lmenti kontinwi mir-residenti? X’qed jagħmel biex ir-residenti jkunu parti minn Valletta 2018 mhux spettaturi?
Micallef jammetti li l-progress li qed tesperjenza l-Belt fih prezz. “Minn ċimiterju lill-Belt qed intuha l-ħajja, tajniha qawmien ġdid. Imma l-progress iġib ir-rigress, għax joħloq iktar traffiku, iktar domanda u aktar skart. Aħna qed nagħmlu minn kollox biex insibu bilanċ. Bdejna x-xogħol fuq il-bankini kollha tal-Belt u bdejna wkoll nirranġaw it-toroq kollha.”
Hawnhekk huwa semma’ l-proġett ta’ €30 miljun li mistenni jkun imħabbar aktar tard din is-sena mill-Gvern u li se jkun qiegħed jirriġenera ż-żoni reidenzjali tal-Mandraġġ, Marsamxett u ż-żona ħdejn il-Kamrata.
“Għalija, l-akbar suċċess tal-Fondazzjoni u tat-tim li huwa parti minnha huwa l-wirt, dak li se nħallu warajna. Għalhekk qed nipproponi li għall-ewwel darba tinħoloq aġenzija li tkun bħal kuratur tal-Belt Valletta biex dak li se nħallu warajna jkun protett u sostnut.”
Micallef temm jgħid li dwar dan huwa diġà kkomunika mal-partiti politiċi u talab li dawn jintrabtu mal-ħolqien ta’ din l-aġenzija “biex tkun aċċertata kontinwità, ma dak li qed nagħmlu aħna. Biex ma jkollniex nerġgħu nibdew mill-ġdid jekk fl-2024 nerġgħu nagħżlu lill-Belt Valletta bħala l-belt kulturali Maltija.”
(Nhar il-Ħadd li ġej l-ILLUM se tagħti ħarsa lejn il-lista ta’ attivitajiet li hemm ippreparati għal matul l-2018 fil-Belt Valletta)