Il-proposti mhuma monopolju ta' ħadd ...
'Il-prinċipji m’huma monopolju ta’ ħadd, l-inqas ta’ min jista’ jkun li jinqabad jikser l-aktar valur fundamentali, jiġifieri l-valur tal-verità'
minn Albert Gauci Cunningham
Bħal-lum ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li din l-elezzjoni mhix waħda tal-proposti imma waħda tal-prinċipji bħallikieku l-proposti li mbagħad twettaq biex tiggverna mhux mill-prinċipju jrid ikun ġej.
L-ewwel nett, nibdew minn hawn, il-prinċipji m’huma monopolju ta’ ħadd. M’hawnx partit tal-prinċipji u partit ieħor mingħajrhom. Il-Gvern preżenti wettaq ħafna miżuri ekonomiċi u soċjali li għandhom għeruqhom fil-prinċipji soċjal-demokratiċi u fil-prinċipju tal-Gvern li jimbuttak jekk trid taħdem mhux jekk trid titgħażżen. Dan minnu nnifsu huwa l-prinċipju li wassal biex il-pajjiż u l-eknonomija tiegħu ffjorixxiet matul is-snin. Jekk huwa child care, jekk huwa tneħħija tal-ħlas tal-boll lil koppji żgħażagħ, jekk huwa żidiet fl-għajnuniet supplimentari, jekk hix żieda fil-pensjoni. Dawn il-miżuri, kollha kienu parti minn linja ta’ ħsieb mibnija fuq il-prinċipju ta’ għajnuna lil min jiflaħ l-inqas.
L-ewwel żieda fil-paga minima fi 30 sena, minn xiex hija mnebbħa jekk mhux mill-prinċipji? Il-fatt li numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur f’San Vinċenz tal- bdew jieħdu l-istess paga daqs tal-Gvern, mhux mill-prinċipju ġejja?
L-ewwel żieda fil-paga minima fi 30 sena, minn xiex hija mnebbħa jekk mhux mill-prinċipji? Il-fatt li numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur f’San Vinċenz tal- bdew jieħdu l-istess paga daqs tal-Gvern, mhux mill-prinċipju ġejja? Id-dar fis-Siġġiewi u l-miżura li kull kumpanija tħaddem persuna b’diżabilità (anke jekk mhux neċessarjament ħadmet) mhux mill-prinċipju ġejja? Il-fatt li dan il-Gvern introduċa, l-Unjoni Ċivili wara 20 sena ta’ diskussjoni u l-Liġi tal-koabitazzjoni wara 20 sena wkoll, mhux mill-prinċipji ġejja wkoll? Mill-prinċipju tal-ugwaljanza u l-inklużjoni.
Dan il-Gvern beda l-Alternative Learning Programme, biex studenti li qatgħu qalbhom mid-dinja diġà jingħataw skop, introduċa l-kunċett tal-koedukazzjoni, introduċa klassijiet ta’ reviżjoni għal studenti li ma jgħaddux minn xi suġġett obbligatorju, tnediet l-politika ta’ kontra l-bullying u anke ta’ aktar inklużjoni fl-iskejjel. Dażgur li mnebbħin mill-prinċiji dawn l-affarijiet.
Dażgur li mnebbħin mill-prinċipji proposti biex tingħata għajnuna lil dawk li ma jifilħux iħallsu depożitu biex jixtru post, dażgur li mnebbħa mill-prinċipju l-miżura tal-Gvern biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija jissieħbu f’unjin, dażgur li mnebbħa fuq il-prinċipju kienet il-wegħda mwettqa li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dażgur li mnebbħin mill-prinċipji proposti biex tingħata għajnuna lil dawk li ma jifilħux iħallsu depożitu biex jixtru post....dażgur li mibnija fuq il-prinċipju l-miżura biex kull mediċina tal-kanċer tibda tingħata b’xejn
Dażgur li mibnija fuq il-prinċipju l-miżura biex kull mediċina tal-kanċer tibda tingħata b’xejn, dażgur li kien il-prinċipju li wassal biex naqqsu l-mediċini out-of-stock.
Mhux mill-prinċipju kien imnebbaħ it-twaqqigħ tat-tankijiet tax-Shell f’Birżebbuġa wara snin ta’ inkonvejent u dannu għas-saħħa tar-residenti? Il-prinċipju li tisma’ lin-nies u li temmen li kulħadd għandu dritt għal ħajja aħjar, anke dawk li, snin fuq snin fuq snin, ġew injorati. Mhux mill-prinċipju nibtet l-idea li l-enerġija nipproduċuha bil-gass, minflok biż-żejt? Domna iktar, veru. Saru ħafna mistoqsijiet, veru. Għad hemm fejn nistgħu niddiskutu fosthom jekk għandniex nixtru mill-istess supplier għal tant snin. Imma l-Power Station illum bil-gass qed taħdem, u biex sar dan kien hemm idea, li kienet ġejja mill-prinċipju tad-dritt għal arja nadifa.
Dan ma jfissirx li Gvern Laburista dejjem mexa mal-prinċipji onesti. Għamel ħażin meta għażel medda ta’ art ODZ li fuqha ried jiżviluppa proġett ta’ bini. Kiser il-prinċipji tat-trasparenza meta minkejja mistoqsijiet fuq mistoqsijiet leġittimi li qamu dwar kuntratti diversi dawn baqgħu ma ħarġux. Ħalluha li mbagħad kienu ppubblikati wara ħafna żmien. Għamel ħażin il-Prim Ministru li ffaċċjat b’Ministru li kellu kont il-Panama ħallieh jopera mill-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.
Valur importanti li nisperaw li l-poplu jkun jista’ jagħmel ġudizzju dwaru nhar it-3 ta’ Ġunju huwa dak tal-verità ... l-akbar tellief dejjem kien, għadu u jibqa’ l-giddieb
L-iżbalji li saru kienu kbar u jista’ jkun li xi żbalji kienu mnebbħin minn qerq u rgħiba, imma saru ħafna affarijiet u miżuri matul l-aħħar erba’ snin li minnhom ibbenefikaw eluf ta’ familji, tfal u żgħażagħ u li kienu mnebbħin mill-valuri u prinċipji ta’ Gvern b’qalb soċjali.
Il-prinċipji m’huma monopolju ta’ ħadd, l-inqas ta’ min jista’ jkun li jinqabad jikser l-aktar valur fundamentali, jiġifieri l-valur tal-verità.
Fil-fatt lil hinn minn dawn l-450 kelma li hawn qabel dan il-paragrafu, valur importanti li nisperaw li l-poplu jkun jista’ jagħmel ġudizzju dwaru nhar it-3 ta’ Ġunju huwa dak tal-verità.
Għax tista’ tagħmel ħafna miżuri mnebbħin mill-prinċipji bħalma għamel dan il-Gvern, u tista’ tgħin ħafna nies li jinsabu fil-faqar bħal m’għamel dan il-Gvern ukoll, l-akbar tellief dejjem kien, għadu u jibqa’ l-giddieb.