Bejn iż-żewġ mexxejja politiċi Joseph Muscat baqa' iktar fdat mill-avversarju politiku tiegħu , kif kien għal dawn l-aħħar erba' snin. Fil-fatt mill-aħħar sondaġġ li sar u li kien ippublikat fuq il-gazzetta Maltatoday Muscat huwa fdat minn 43.7% tal-votanti, filwaqt li 38.4% jafdaw lil Busuttil. Dan ifisser li d-differenza bejn il-mexxejja f'dak li hija fiduċja hi ta' 5.3%.
Minkejja li l-Partit Nazzjonalista għamel avvanzi elettorali, speċjalment fost l-iswitchers, il-Partit L:aburista irnexxielu jressaq lejh persentaġġ kbir ta' Laburisti li matul dawn l-aħħar snin kienu qed jgħidu li ma jridux jew ma jafux kif se jivvutaw. Fil-fatt huma 2% biss mill-votanti tal-PL tal-2013 li qed jgħidu li mhux se jivvutaw lill-PL, ikkumparat mal-11% fi Frar tas-sena l-oħra meta faqqa l-każ 'Panama'. Interessanti li dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2008 wkoll, apparti l-2013, issa jinsabu qaqoċċa wara Muscat, tant li 85.6% minnhom jivvutaw lill-PL jekk issir elezzjoni illum.
Fost il-Laburisti jew il-votanti li vvutaw lill-PL fl-aħħar elezzjoni l-fiduċja f'Muscat żdiedet minn 73.7% qabel ma bdiet il-kampanja għal 85% il-ġimgħa l-oħra.
Minkejja dawn l-indikaturi Busuttil jidher illi qed jagħmel avvanzi fuq żewġ fronti. Fost l-iswitchers il-PN illum jakkwista 34% tal-voti, daqs il-PL b'34% ukoll. Dan anke jekk 21.4% għadhom mhux deċiżi u 6.4% qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Il-PN baqa' b'saħħtu wkoll fost dawk il-votanti li fl-2013 ma vvutawx, fejn għandu l-appoġġ ta' 25.6% tal-votanti. B'kuntrast il-PL għandu biss l-appoġġ ta' 7.7%.
Intant meta taqta' d-differenza, hemm swing ta' 3% favur il-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-PN qed jattira lejh 6% ta' voti Laburisti, filwaqt li l-PL qed jattira lejh 3% ta' votanti Nazzjonalisti. Il-PL jibqa' aktar popolari fost il-votanti l-ġodda b'27.7% jgħidu li se jivvutaw lill-PL, filwaqt li 16.7% biss jgħidu li jivvutaw PN. Minkejja l-vantaġġ qawwi ta' Muscat u l-Partit Laburista, 33.3% ma jafux kif se jivvutaw u 11.1% ma jridux jivvutaw.
Intant id-distakk bejn il-partiti baqa' stabbli bil-PL jirreġistra vantaġġ ta' 4% fuq il-PN, li fil-fatt huwa żieda żgħira favur Muscat mill-aħħar stħarriġ li sar mill-istess gazzetta.