Busuttil iwiegħed li Gvern tal-PN joħloq 30,000 impjieg mal-privat

  • Jgħid li Gvern tal-PN idaħħal il-bżonn ta' surplus fil-finanzi tal-Gvern fil-kostituzzjoni
  • Gvern Nazzjonalista jaħtar Mibgħut Speċjali biex jinnegozja ma' kumpaniji mir-Renju Unit

ritratt: James Bianchi (arkivji)
ritratt: James Bianchi (arkivji)

F'konferenza tal-Aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-ekonomija mhux għan minnha nnifisha, imma mezz biex igawdu n-nies. Busuttil qal li l-pedamenti ekonomiċi tal-lum, bniehom Gvern Nazzjonalista, "track record li aħna kburin bih, setturi li ħloqna aħna u li kabbarna aħna," sostna Busuttil.

"Wara erba' snin bla viżjoni fit-tul qed inwiegħdu li nieħdu l-ekonomija ta' Malta għal ġenerazzjoni li jmiss, b'reputazzjoni b'saħħitha għal pajjiżna. Minn hemmhekk nibnu bl-inovazzjoni, l-aċċess għall-finanzjament," qal Busuttil. Qed nintrabtu li noħolqu 30,000 impjieg ġdid ta' kwalità fis-settur privat, bid-dħul medjan jiżdied bejn 25% u 30%. "B'hekk nindirizzaw il-problema ta' pagi baxxi u prekarjat." Għall-mistoqsijiet tal-midja preżenti Busuttil qal illi se jkun qed jitkellem aktar dwar dawn l-inizjattivi u sostna li PN qed iwiegħed impjiegi aħjar. "Mod toħloq impjiegi mal-GWU u mod toħloq impjiegi ta'kwalità."

Intant hu wiegħed ukoll li Gvern Nazzjonalista jibqa' jagħmel surplus u li saħansitra tiddaħħal fil-kostituzzjoni li jżomm baġit b'surplus. Busuttil sostna li Gvern Nazzjonalista se jara li jaħdem biex ir-reputazzjoni tal-pajjiż terġa tkun irrestawrata mill-ġdid. 

Intant il-PN se jkun qed jaħtar Mibgħut Speċjali persuna li se tieħu ħsieb li malta tattira aktar kumpaniji li se jitilqu mir-Renju Unit minħabba l-proċess Brexit. 

Busuttil qal li eluf ta' ħaddiema fis-settur finanzjarju qegħdin "imdendlin" jistennew id-deċiżjoni tal-poplu. "X'se jgħidu jekk nagħżlu lil Muscat? Se jgħidu li l-Maltin għażlu l-korruzzjoni." Huwa sostna li jekk jitla' l-Gvern ta' Muscat anke s-setturi tal-bini u tal-kiri jaqgħu lura, għax ikun f'riskji minħabba li r-reputazzjoni ta' malta "qed tegħreq". 

Dwar Egrant Busuttil qal li Muscat tilef kull kredibilità meta ħalla lil Konrad Mizzi u Keith Schembri  fil-pożizzjoni tagħhom, "le jien lil Muscat ma nemmnux dwar Egrant." 

Busuttil qal li l-Avukat Ġenerali għandu ħafna xi jwieġeb għalfejn m'għamel xejn dwar ir-rapport tal-FIAU. 

 

 

 

 

More in Politika