F'wieħed mill-aktar diskorsi b'saħħithom fil-kampanja s'issa fil-Qawra l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat reġa b'mod mill-aktar sod sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jerfa' ir-responsabilità politika jekk jirriżulta li rikeb fuq dik li qed isejjaħ 'kalunja' u 'gidba' fuqu u fuq martu.
Hu kien qed jirreferi għall-allegazzjoni ta' Daphne Caruana Galizia li l-kumpanija Egrant hija ta' Michelle Muscat u li għaddew mal-$1 miljun minn dan il-kont, liema allegazzjoni Simon Busuttil bena kampanja qalila fuqha, tant li kien sejjaħ lill-pulizija u s-servizzi sigrieti biex ineħħu lil Muscat minn prim Ministru.
Muscat qal li kif għamel f'dawn l-aħħar siegħat " se nibqa ngħidha kuljum..kuljum se ngħidha għat-18-il ġurnata li għad fadal. Intikhom il-kelma u nisfida lil Simon Busuttil ukoll, "jekk il-Maġistrat, li m'hemm ebda dubju mill-integrità tiegħu, jsib imqar ħjiel li kien hemm xi ħaġa dwar flus jew kumpaniji li suppost għandi jien jew marti, toħroġ għada, toħroġ l-għada tal-elezzjoni, toħroġ ġurnata qabel, jiena nitlaq u nirreżenja mill-ewwel. Mhux se ndur mal-kliem tal-avukati, mhux se nimxi bil-'jekk' u 'forsi', jekk jirriżulta ħjiel nirreżenja. Konvnt milli qed ngħid għax qed ngħid il-verità. M'għandix faħam miblul u qed ngħidha ċara u tonda," sostna Muscat għaċ-ċapċip u l-entużjażmu kbira tal-folla quddiemu.
"Imma hemm in-naħa l-oħra," kompla jgħid il-Mexxej Laburista, "jien nisfida lil Simon Busuttil, li l-poplu Malti u Għawdxi kollu semgħu." Kien hawn li Muscat sostna li "meta saret din il-gidba fuqi, Busuttil mhux talli ma kellux x'jaqsam talli kien jaf għax ħarġet mill-kwartieri tiegħu. X'se jingħad, meta se jingħad u anke fi xħin kien se jingħad kien jaf. U ħareġ in-nies fit-toroq...jien niltaq jekk hija vera, imma jekk hija kalunja, int se jkollok titlaq."
"Kun raġel u erfa' r-responsabilità li titlaq mill-kariga jekk jirriżulta li din gidba," qal għall-folla li reġgħet qamet f'approvazzjoni.
Muscat: 'Persuna b'diżabilità hija persuna privileġġjata'
Intant Joseph Muscat wiegħed li Gvern Laburista jkun għaqli bi flus il-poplu filwaqt li fakkar kif illum il-Partit Laburista ta' numru ta' proposti għal persuni b'diżabilta...."tweġġgħani meta ġenituri ta' tfal b'kundizzjonijiet bħal ADHD u l-Awtiżmu u li jkollhom bżonn LSA fil-klassi magħhom, ma jsibux LSA u jkollhom ifallu mill-iskola. Għad għandna sitwazzjoni f'pajjiżna, fejn omm tmur bit-tifel l-iskola u jgħidu lill-omm ġudu lura lit-tifel, għax l-LSA ma ġietx ma tiflahx.Għalhekk se ndaħħlu sistema biex dawn it-tfal kull ħin u kull mument ikollhom LSA magħhom u li dawn l-LSAs jkunu preżenti wkoll fl-iskejjel tas-Sajf."
"Persuna b'diżabilità hija persuna privileġġjata," sostna Muscat li fakkar fil-miżura tal-PL biex ġenituri ta' tfal b'diżabilità jkunu jistgħu jgawdu mill-iskema tal-first time buyers, miżura li tħabbret aktar kmieni illum. Fakkar fil-proġett ta' djar fil-komunità għal persuni b'diżabilita u fakkar fiż-żieda li dan il-Gvern ta' lill-pensjonanti darbtejn.