Ninsabu fit-tmiem tat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali u llum kienu ppublikati tliet sondaġġi oħrajn. F'dan l-artiklu se nagħtu ħarsa lejn dak tal-Mediatoday u dak li sar mill-kumpanija Sagalytics u li qed ikun ippublikat fuq it-Torċa.
Il-Laburisti jkomplu jingħaqdu wara Muscat
Konsistentement, matul dawn l-ewwel tliet ġimgħat tal-kampanja kien hemm xejra ta' votanti Laburisti li għalkemm tul dawn l-erba' snin kienu inċerti dwar il-vot tagħhom jew saħansitra ċerti li ma jridux jivvutaw, issa qed jagħtu appoġġ lill-PL mill-ġdid. Fil-fatt, skont l-istess stħarriġ issa huma 91% dawk il-votanti li fl-2008 vvutaw lill-PL u li se jerġgħu jagħmlu hekk nhar it-3 ta' Ġunju li ġej. L-aktar settur b'saħħtu għll-PL fil-fatt huwa dan, b'1.6% biss minnu issa qed jgħid li mhux se jivvota u 1% minnhom li issa qed jgħidu li se jivvutaw PN.
Il-fiduċja: Muscat minn fuq, b'4.7% f'tal-Maltatoday u b'10.4% fuq tat-Torċa
Joseph Muscat jibqa' l-aktar fdat miż-żewġ mexxejja politiċi, iżda b'miżura differenti. Skont l-istħarriġ li jsir mill-mediahouse tagħna d-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ta' 4.7%. Muscat huwa fdat minn 43.9% filwaqt li Busuttil huwa fdat minn 39.2% tal-votanti. L-istudju minn Vincent Marmara fuq it-Torċa juri distakk ikbar fil-fiduċja, imma inqas għal kull mexxej. maġġoranza relattiva ta' 42.1% jafdaw lil Muscat, filwaqt li 31.7% jafdaw aktar lil Busuttil.
PN/PD javvanzaw fost l-iswitchers
Minkejja li l-Partit Laburista jibqa' l-aktar partit popolari fost l-iswitchers b'33.3% il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Partit Demokratiku qed jiksbu aktar appoġġ b'35.3%. Dawk li se jivvutaw lill-PD, se jkunu fil-fatt qed jivvutaw fuq il-lista tal-PN. Minkejja dan 29.4% tal-iswitchers għadhom mhux deċiżi u għalhekk din hija waħda miċ-ċwievet għar-riżultat elettorali tat-3 ta' Ġunju.
Distakk: Minn 3.9% għal 9% favur il-PL
Għalkemm fiż-żewġ sondaġġi Muscat u l-PL qegħdin fuq quddiem dawn qegħdin fuq quddiem b'miżura differenti. Dak tat-Torċa jagħti l-akbar differenza b'distakk ta' 9.5%. Minn dawk li ħadu sehem 41.3% se jivvutaw PL, 31.2% se jivvutaw PN, 12.4% ma jafux, 8.1% ma riedux iwieġbu u 1.7% lill-Alternattiva Demokratika.
Dak tal-Maltatoday juri distakk iżgħar, hekk kif iktar nies qalu li se jivvutaw PN. Fil-fatt l-ammont ta' dawk li se jivvutaw PN huma 36.6% f'dan is-sondaġġ, filwaqt li dawk li se jivvutaw PL qegħdin fl-istess ilma, b'40.2%.
Votanti ġodda: Il-PN fuq quddiem imma ħafna ma jafux kif se jivvutaw
Dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba qed ixaqilbu aktar lejn il-PN, b'30.4%. Il-PL fl-istħarriġ tal-Maltatoday qed jikseb l-appoġġ ta' 21.7%. Hawnhekk ukoll 43% ma jafux jew ma jridux jivvutaw.