Simon Busuttil: 'Muscat int tradejt lil pajjiżna'
Il-Kap tal-PN jgħid li l-politika tal-mannara, issa qed taqa' fuq ras il-pajjiż... Busuttil qal li wara it-3 ta' Ġunju il-poplu se jkun kburi mill-ġdid jgħid li Malti
minn Albert Gauci Cunningham
"Jien għandi fiduċja li ġimgħatejn oħra Malta se ddawwar il-paġna u tibda paġna ġdida fl-istorja tagħha. Dan li bdejna aħna, qiegħed dejjem jikber," hekk qal il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil fit-Triq is-Santwarju f'Ħaż Żabbar fejn il-PN laqqa' eluf ta' partitarji. "Eluf kbar qegħdin magħna għall-ewwel darba f'din il-forza nazzjonali," qal Busuttil, li fakkar kif din il-forza ingħaqdet minħabba "s-sitwazzjoni perikoluża li l-pajjiż jinsab fiha, qisu xejn mhu xejn, qishom in-nies m'għandhomx moħħ biex jaħsbu ... imma n-nies mhu se jħallu lil ħadd jgħaddihom biż-żmien."
Busuttil reġa fakkar kif kellu jagħmel hu dak li ħadd ma ried jagħmel, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li allega illi dan il-Gvern "werwru". "Jien ma ħadtx karta bi provi...ħadt turrun provi tal-klikka ta' Kastilja. Il-PM għandu jkun hu li meta jara xi ħaġa ħażina jgħidilha ħażina...għax m'għandniex PM jieħu responsabilità u għax mhux kapaċi jieħu azzjoni kontrihom nitolbu lill-poplu Malti jkeċċihom hu," qal Busuttil, għall-approvazzjoni tal-folla.
"Ħammġulna isimna mal-erbat'irjieħ tad-dinja," qal il-Kap tal-PN filwaqt li rrefera għall-MaltaFiles u reġa sostna li l-poplu jeħtieġ xi ħadd nadif biex jagħmel id-differenza u biex inaddaf isem pajjiżna. "Kien hemm min qalilna li se juża il-politika tal-mannara," f'referenza għall-kummenti li kien għadda l-Ministru Chris Cardona, "il-mannara issa qed taqa' fuq pajjiżna, fuq is-servizzi finanzjarji li jipprovdu eluf ta' impjiegi, l-mannara li qed iwaqqgħu fuq pajjiżna il-banek u l-kumpaniji li qed jiddeċiedu li ma jiġux Malta, qed taqa' l-mannara tal-investitur, dik hija l-konsegwenza tal-politika tal-mannara," asserixxa Busuttil.
Huwa qal li huwa issa li Muscat qed jitlob l-għaqda, imma hawn għaqda diġa, "forza nazzjonali kontra tiegħek, tradejt lil pajjiżna ," qal Busuttil li wiegħed inqas taxxi għas-self employed u negozji ż-żgħar. "Flok il-korruzzjoni indaħħlu child care, chemotherapy b'xejn, aktar housing soċjali, trasport pubbliku alternattuv permezz ta' metro...dan huwa li nistgħu nagħmlu flok il-korruzzjoni," saħaq Busuttil.
"Jien naf li qed idur ħafna gideb," sostna Busuttil, li appella biex ħadd ma jħalli l-biża' tirkeb fuq il-verità. "Qed idaħħlu l-biża' li jispiċċa l-logħob tan-nar, li se nneħħu l-istipendju u issa qed ibeżżgħu li jekk nieħdu l-isptar ta' Għawdex lura ma jibqax vijabbli. X'inhi din? Mela sptar pubbliku għandu jħares lejn il-profitt? Għandu jħares lejn is-saħħa tal-pubbliku..."
Huwa ammetta li l-PN żbalja u li jifhem li kien hemm min weġġa sforz deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista, imma appella anke lill-Laburisti mweġgħin "anke intom ġejtu traduti, intom ma jixirqulekx hekk, aħna mhux kontra l-PL qed niġġieldu imma kontra klikka li ħatfet lill-Partit Laburista u lil Malta...għad hemm eluf kbar ta' nies li għadhom ma ddeidewx kif se jivvutaw. L-appell tiegħi huwa li fit-3 ta' Ġunju tagħżlu lil Malta, tingħaqdu ma' din il-forza nazzjonali u tagħżlu lil pajjiżna."
"L-għażla hija ċara, bejn Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi u l-poplu Malti u Għawdxi fuq in-naħa l-oħra," temm id-diskors Busuttil.
Il-Viċi kap tal-PN Beppe Fenech Adami sostna li minflok prova jsalva lill-pajjiżna, prova jksalva lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Huwa appella lil dawk li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji biex jikkonvinċu lill-familjari jiddeċiedu favur Simon Bususttil. Huwa appella wkoll lil dawk illi fl-aħħar elezzjoni ġenerali għażlu lil Muscat, "għad hemm minnkhom li għadkhom ma ddeċiddejtux li tiġu lura, irrid ntikhom il-kelma li aħna mill-ġdid il-partit tagħhkhom. Qalbna miftuħa għalikhom."
Fenech Adami f'dak li jidher illi hija reazzjoni għas-sondaġġi tal-lum ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu huma li jmexxu lill-pajjiż "fejn jixraqlu."