Joseph Muscat jew Simon Busuttil? Nhar is-Sibt nagħżlu l-Prim Ministru ....

"induru kemm induru magħha, wara d-daħk u x-xalar se jiġi l-iggvernar u nhar it-3 ta’ Ġunju pajjiżna jrid jagħżel min se jiggverna. Irid jagħżel min iħoss li jista’ jiggverna l-aħjar. Nhar it-3 ta’ Ġunju pajjiżna irid jagħżel min se jgħaqqad u jlaħħaq lil Malta lejn quċċati ġodda"

Min se jkun Prim Ministru nhar il-Ħadd?
Min se jkun Prim Ministru nhar il-Ħadd?

Wara li l-imkatar jerġgħu jitpoġġew posthom u l-ħornijiet mormijin, wara li ċ-ċelebrazzjonijiet ikunu għaddew u s-sokor beda jintesa, dan il-pajjiż se jerġa’ jqum għax-xogħol. Se jerġa’ jqum biex jgħix ħajtu ta’ kuljum; jaħdem, jibgħat it-tfal l-iskola, imur l-Università, jippjana s-safra li jmiss, jaħseb biex jixtri post, jaħseb biex ibiddel impjieg, jippjana familja jew inkella jkompli jipprova jġebbed biex il-paga sservih sal-aħħar tax-xahar.

Wara li ċ-ċirimelli jkunu waqfu u l-emozzjoni tkun battiet, nirrealizzaw li għad għandna min huwa fqir, għad għandna kirjiet m’għola s-sema għad irridu nikkompetu ma’ tant pajjiżi li kif għandna kif esperjenzajna mhu se jieqfu mkien biex ikissrulna sistemi vantaġġjużi li minnhom qed jitilfu. Inqumu u nsibu li għad hemm toroq x’nibnu, tfal li għadhom qed jaqgħu lura, ambjent li għadu qed jibki għall-attenzjoni u quċċati x’nilħqu.

Muscat mexxa l-pajjiż fuq it-twemmin li l-ġid jista’ joħolqu billi jippużizzjona lilu nnifsu qrib l-investituri u dawk li għandhom il-but mimli, biex iħajjarhom jinvestu jew ikabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna

Għalhekk nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju hija ġurnata importanti. Għax induru kemm induru magħha, wara d-daħk u x-xalar se jiġi l-iggvernar u nhar it-3 ta’ Ġunju pajjiżna jrid jagħżel min se jiggverna. Irid jagħżel min iħoss li jista’ jiggverna l-aħjar. Nhar it-3 ta’ Ġunju pajjiżna irid jagħżel min se jgħaqqad u jlaħħaq lil Malta lejn quċċati ġodda.

L-għażla hija ċara; min irid dan il-pajjiż li jmexxi fil-ħames snin li ġejjin, Joseph Muscat jew Simon Busuttil?

Għal dan il-għan irridu nħarsu lura lejn dawn l-erba’ snin, biex b’hekk il-ġudizzju tagħna bħala poplu jkun wieħed ċar.

Fuq naħa għandna Prim Ministru li huwa, kif ngħidu bl-Ingliż ‘a doer’. Jattwa u jwettaq. Wettaq f’diversi oqsma; żieda fil-pensjoni, l-ewwel żieda fil-paga minima, qbil ta’ għajnuna għal min ma jiflaħx iħallas għall-proprjetà, qtugħ tal-boll għal dawk li jixtru l-ewwel dar, it-tapering biex iħajjar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol u żidiet fil-benefiċċji għal dawk li ħaqqhom.

Muscat wera li kapaċi jwettaq fejn qatt ma twettaq; għalaq il-Power Station tal-Marsa, biddel l-operat tal-enerġija miż-żejt għall-gass, daħħal liġijiet u drittijiet li kienu ilhom snin twal fuq l-ixkaffa u qed ibiddel il-liġijiet li jitrattaw id-drogi. Il-Gvern li mexxa beda ġlieda, li għad fadlilha ħafna biex titlesta, kontra l-prekarjat u beda jitratta problemi li persuni kienu jiffaċċjaw kuljum; mediċini out of stock, sodod fil-kurituri u sistema ta’ trasport pubbliku li ma setgħet qatt taqbad art.

il-Gvern ta’ Muscat kien ukoll wieħed mill-aktar gvernijiet li kellu nies li waqqgħulu wiċċu l-art bi żbalji jew oxxenitajiet

Muscat mexxa erba’ snin ta’ boom ekonomiku qawwi ħafna, ta’ rekords fil-qasam tat-turiżmu u ta’ surplus. Dan ma ngħiduhx aħna, dan jgħidu kulħadd, għax min verament qed jisma’ x’qed jgħidu n-nies jaf li huma bil-bosta dawk li jgħidulek illi f’dawn l-erba’ snin il-pajjiż mexa ’l quddiem u li kien hawn ix-xogħol. Muscat mexxa l-pajjiż fuq it-twemmin li l-ġid jista’ joħolqu billi jippużizzjona lilu nnifsu qrib l-investituri u dawk li għandhom il-but mimli, biex iħajjarhom jinvestu jew ikabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna.

Din il-politika naturalment fiha r-riskji. Ir-riskju li tidher qrib wisq ta’ dawk li nsejħulhom fatcats. Tista’ tidher ħabib wisq ta’ dawk li għalihom l-ewwel Alla huwa l-flus. U fil-fatt Muscat hekk ġralu. In-narrattiva ekonomika tiegħu imma, minkejja l-akkużi li abbanduna l-għeruq tal-partit, kienet tagħmel ħafna sens. U dik hija l-istess narrattiva ekonomika li jidher illi jrid ikompli jiggverna biha.

Minkejja dawn il-preġji u oħrajn li jagħmlu lill-Gvern ta’ Muscat wieħed mill-aktar Gvernijiet enerġetiċi, il-Gvern ta’ Muscat kien ukoll wieħed mill-aktar gvernijiet li kellu nies li waqqgħulu wiċċu l-art bi żbalji jew oxxenitajiet. Il-każ tax-xufier ta’ Manuel Mallia, il-każ tal-esproprijazzjoni fi Triq Zekka (każ Gaffarena) u l-każ tal-kontijiet fil-Panama wrew illi mhux kulħadd kellu intenzjonijiet tajbin. Wera li mhux kulħadd kien lest li jerfa’ r-responsabbilità li ġġib magħha kariga pubblika, li magħha ġġib obligazzjonijiet u restrizzjonijiet. Wera wkoll element ta’ rgħiba u irresponsabbilità.

Dan għamel ħsara kbira lill-immaġini ta’ Gvern, u spiċċa daħħal lill-PM innifsu fi xkora b’allegazzjonijiet gravi li dwarhom hemm inkjesta Maġisterjali.

L-akbar preġju ta’ Busuttil huwa li f’dan l-aħħar erba’ snin irnexxielu jinjetta ħajja u entużjażmu lura fil-PN, xi ħaġa li kienet bżonjuża biex il-partit ikollu ċans jerġa’ jirbaħ

Min-naħa l-oħra hemm Simon Busuttil. L-akbar preġju ta’ Busuttil huwa li f’dan l-aħħar erba’ snin irnexxielu jinjetta ħajja u entużjażmu lura fil-PN, xi ħaġa li kienet bżonjuża biex il-partit ikollu ċans jerġa’ jirbaħ. Mexxa kampanja formidabbli kontra l-każ Panama u poġġa lilu nnifsu fuq quddiem ta’ kruċjata kontra l-korruzzjoni. Busuttil għamel avvanzi konsiderevoli u reġa’ għamel lill-PN wieħed li jappella lil firxa wiesgħa biżżejjed ta’ nies biex jerġa’ jkun elett fil-Gvern.

Il-problema ta’ Busuttil mhix fil-persuna tiegħu, altru milli, u lanqas fir-rieda tiegħu li jagħmel bidliet. Il-problema li forsi tispjega għalfejn dejjem baqa’ inqas popolari minn Muscat hija li baqa’ sa issa popolarment mhux meqjus bħala alternattiva vijabbli għall-Gvern preżenti. Is-suċċessi limitati tiegħu f’dawn l-erba’ snin huma limitati kważi esklussivament għall-kanuni li fetaħ fil-konfront tal-Gvern u għall-fatt li kien gwardjan tajjeb biżżejjed biex jikxef u jamplifika gaffes tal-Gvern. Fi ftit kliem, Busuttil meta ppożizzjona lilu nnifsu bħala Kap tal-Oppożizzjoni b’saħħtu mhux neċessarjament ippożizzjona lilu innifsu bħala PM prospettiv.

Mill-għada tal-elezzjoni wara li l-koalizzjoni tkun laħqet l-għan li ttajjar lil Muscat għax tħoss li hu theddida għall-pajjiż, x’se jiġri? X’se tkun in-narrattiva ekonomika? Xi triq se jaqbad il-pajjiż? Kif se jkun aċċertat li pajjiżna jibqa’ fil-quċċati?

Illum Busuttil imexxi dik li qed isejħilha koalizzajoni, kontra l-korruzzjoni. L-għan huwa nobbli. Ħadd ma jgħid li mhux. Busuttil għaraf l-element ta’ diżappunt f’dawk l-eluf li ħassew illi fil-qasam tal-governanza Gvern Laburista ma wettaqx jew falla. Imma lil hinn min-nobbilità ta’ dak l-għan hemm mistoqsija pertitenti; Mill-għada tal-elezzjoni wara li l-koalizzjoni tkun laħqet l-għan li ttajjar lil Muscat għax tħoss li hu theddida għall-pajjiż, x’se jiġri? X’se tkun in-narrattiva ekonomika? Xi triq se jaqbad il-pajjiż? Kif se jkun aċċertat li pajjiżna jibqa’ fil-quċċati? Jibqa’ jagħmel is-surplus? Jibqa’ jintroduċi drittijiet? Jibqa’ bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa? Ikunu indirizzati problemi li ilhom magħna u li bdew ikunu indirizzati f’dawn l-erba’ snin?

Nhar il-Ħadd li ġej il-pajjiż se jislef it-tmexxija ta’ dan il-pajjiż lil xi ħadd biex imexxi lil Malta. L-għażla hija waħda Joseph jew Simon. 

More in Politika