Waqt li kien qiegħed jitkellem quddiem folla ta’ partitarji fil-Mosta il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal illi r-riżultat tal-elezzjoni nhar is-Sibt se tkun “straordinarja, bħall-elezzjoni. Għad irid jinħadem film fuq dak li għexna f’dawn l-aħħar erba’ snin,” sostna Busuttil, “affarijiet tat-thrillers, tal-mafia. Ladarba għandek il-Kummissarju ma jagħmel xejn ħlief imexmex il-fenek, l-Avukat Ġenerali ma jagħmel xejn u mhu kapaċi jagħmel xejn għax werwruh. Il-PM ma jagħmel xejn għax għalih il-ħażin huwa sewwa.”
Għalhekk Busuttil qal li ladarba ħaddieħor ma jagħmel xejn ikollu jagħmel hu dak li ħaddieħor ma jridx, anke jekk riskju. “Imma jien l-ebda insulti u theddid mhu se jżommni milli nagħti vuċi lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Huwa akkuża lil Muscat li ma jridx jaċċetta l-verità u jdawwar wiċċu għall-korruzzjoni. Huwa ikkwota l-editorjal tas-Sunday Times tal-bieraħ u qara email ta' Keith Schembri li qal illi ntbagħet lin-nies biex iwieġeb għall-editorjal tal-bieraħ. Busuttil qal li jaqbel mal-editorjal “għax kont jien li kxiftu lil Keith Schembri lil dak il-kriminal, korrott u maħmuġ, għax ma niflaħx iktar issa ... il-poplu fferoċjat meta jarawhom jitmejjlu bina f’wiċċna."
"Mhux prova waħda, mhux tnejn, mhux tlieta, hemm tmien box files sħaħ mimlijin provi,” qal Busuttil għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti f'referenza għall-email ta' Schembri.
Simon Busuttil staqsa kif Muscat se jibqa’ f’postu jekk jirriżulta li hemm biżżejjed u qal li jekk “għall-grazzja tal-argument Joseph Muscat jirbaħ, għall-grazzja tal-argument ta’ għax ċert li mhux se jirbaħ l-elezzjoni Joseph Muscat, x’se jagħmel se jibqa’ hemm? Daqshekk il-kontabilità?”
Huwa qal li l-Kummissarju ma jixraqlux li jilbes l-uniformi tal-Pulizija għax “waqqagħha għaż-żufjett.”
“Ma ffangajtux biżżejjed? Ma sraqtux biżżejjed? Wiċċhom tost...deffsu idejhom f’kollox, serqu kollox” sostna Busuttil għall-parti tal-email li kien qed jikkwota li bagħat Schembri u li ttemm li l-Aqwa żmien tal-pajjiż għadu ġej, l-għajta tal-PL f'din il-kampanja. Għall-kumment ta' partitarja preżenti Busuttil qal, "hekku, iva sinjura, qbadnihom...Alla vera magħna għax qbadnihim," sostna f'refrenza għall-innu tal-PN li jgħid "ejjew għax Alla magħna..ejjew ħa nirbħu żgur."