Mistoqsi fuq il-kampus tal-MCAST, mill-media tal-PN jekk hu jħobbx ikun imdawwar bil-kriminali , Joseph Muscat allega hekk; "Naħseb Simon Busuttil imdawwar bi kriminali mhux jien, kemm idur u jsibu ħdejh...u mhux qed nirreferi għal Beppe Fenech Adami hawn. Miegħu, xi ħadd li jkun dejjem miegħu huwa kriminal involut fid-droga," sostna Muscat li qal ukoll li se jieħu responsabilità sħiħa ta' din id-dikjarazzjoni.
Intant meta kien qed jirrispondi mistoqsijiet oħrajn Muscat ikkonferma li Keith Schembri kien talbu jirreżenja meta kienet ħarġet storja fuq il-blogg ta' Daphne Caruana Galizia li hu kien qiegħed imut minn marda terminali. Muscat spjega kif il-familja ta' Schembri għaddiet minn mumenti devastanti u li għalhekk hu ħass li kellu jkun hemm għall-familja Schembri f'dak il-mument. Jirriżulta Schembri kellu problemi serji ta' saħħa imma mhux marda terminali, kif kien implikat mill-istess blogger.
Meta kien qed jirreaġixxi għall-wegħda ta' Busuttil li jwaqqaf l-investiment minn Vitals Global Healthcare fl-isptar ta' Għawdex, li se jinkorpora l-iskola medika ta' Barts Medical School, Muscat sostna li hu seta' qatta' ħafna kuntratti li kienu saru taħt Gvern Nazzjonalista iżda m'għamilx dan għax l-għaqal fit-tmexxija ta' pajjiż ma jitlobx hekk. Muscat wissa li jekk jiġri dan ikun qed jintbagħat messaġġ ikrah lill-investituri illi f'dan il-pajjiż xi ħadd iqum filgħodu u jiddeċiedi li jqatta' kuntratt li jkun sar minn kumpanija privata.
Intant waqt il-konferenza tkellem ukoll il-Ministru Evarist Bartolo dwar il-kisbiet u l-wegħdi li qed jagħmel il-PL f'dan il-qasam.
Agħfas hawn biex taqra dwar il-wegħda ta' Simon Busuttil li jwaqqaf il-proġett tal-Isptar ta' Għawdex billio jittermina l-kuntratt ma' Vitals Global Healthcare