It-tiġrija sal-barkun ... l-'indeċiżi' se jiddeċiedu

L-illum.com.mt tħares lejn żewġ sondaġġi...lejn dak tal-Mediatoday u dak tal-istatistiku Vincent Marmara (Torċa) u kif dawn iħarsu lejn dak is-settur ta' votanti li jaf jagħmlu d-differenza

Joseph Muscat jew Simon Busuttil? L-indeċiżi se jiddeċiedu | Ritratt (Joseph u Michelle) tal-fotografu Mark Zammit Cordina
Joseph Muscat jew Simon Busuttil? L-indeċiżi se jiddeċiedu | Ritratt (Joseph u Michelle) tal-fotografu Mark Zammit Cordina

Nhar is-Sibt li ġej il-poplu Malti se jkun msejjaħ biex jivvota f'elezzjoni ġenerali li se tiddeċiedi jekk Joseph Muscat jingħatax terminu ieħor biex imexxi jew inkella jekk nhar it-Tnejn ikunx maħtur Prim Ministru, Simon Busuttil. 

Dan is-sit qed iħares lejn żewġ sondaġġi. Wieħed li jsir minn James Debono u li huwa ppublikat fuq il-gazzetta Maltatoday, sondaġġ li dejjem kien pjuttost preċiż f'elezzjonijiet passati u dak li jsir mill-Istatitstiku Vince Maramara li jkun ippubblikat fuq il-gazzetta t-Torċa. 

Huwa ċar minn dawn iż-żewġ sondaġġi li 1) jekk taqta' dawk li huma indeċiżi l-Partit Laburista għandu vantaġġ elettorali li ilu stabbli mill-bidu tal-kampanja elettorali imma wkoll li 2) Hemm numru ta' nies li qed jgħidu li huma indeċiżi li jistgħu jkunu huma li jiddeċiedu liema partit kif se jirbaħ, hekk kif id-distakk bejn il-partiti jvarja minn 4.2% u 8.2%, favur il-Partit Laburista.

Distakk favur il-PL ta' bejn 13,000 u 25,000 fost id-deċiżi

Dan ifisser li qed inħarsu lejn distakk (maħdum fuq is-somma ta' 1%=3,100) ta' 13,000 fil-każ tas-sondaġġ ta' Debono u 25,420 fil-każ tas-sondaġġ ta' Marmara'. 

L-indeċiżi: Bejn 39,990 u 46,500 votant

Minkejja dan, iż-żewġ sondaġġi juru wkoll persentaġġ ta' nies li qed iwieġbu 'ma nafx'. Fil-każ tas-sondaġġ ta' Debono dan huwa 15%, li jfisser total ta' 46,500 votant. U fil-każ tas-sondaġġ ta' Marmara dan il-persentaġġ jinżel għal 12.9%, jew total ta' 39,990. 

Dan ifisser li għad hemm vakuum li jista' jagħmel differenza u li jista' saħansitra jaqleb il-vantaġġ favur partit jew ieħor. 

Jivvutaw l-indeċiżi kollha u 60% jivvutaw PN, 40% PL 

Jekk nieħdu is-sondaġġ ta' James Debono u nimmaġinaw li l-indeċiżi se joħrġu jivvutaw kollha kemm hemm huma u li 60% minnhom se jivvutaw PN u 40% minnhom se jivvutaw PL, id-distakk jonqos b'9,300 u jkun biss ta' 3,700 favur il-PL. 

Dan għaliex jekk il-PN jakkwista 60% tas-46,500 il-PN jiggwadanja 27,900 vot u l-PL jiggwadanja 18,600 vot. dan ikun ifisser distakk minimu ħafna ta 3,700 favur il-PL.

Jekk tintuża l-istess somma imma fuq l-istħarriġ tat-Torċa, l-PN jakkwista 23,994 vot u l-PL jakkwista 15,996 vot. Dan iħalli distakk konsiderevoli ta' 17,422 favur il-PL.

33.3% ivvutaw PL u 31% ivvutaw PN fl-2013

L-istħrriġ ta' Debono juri kif 33.3% tal-indeċiżi vvutaw lill-PL fl-aħħar elezzjoni u 31% lill-PN. Minkejja dan 40% minnhom ivvutaw PN fl-2008 u 15% biss ivvutaw PL. 12% minn dawk li huma indeċiżi illum ma vvutawx fl-elezzjoni tal-2013. 

Muscat iktar fdat fost l-indeċiżi skont l-istħarriġ ta' Marmara

L-istħarriġ ta Vince Marmara staqsa lil dawk li huma indeċiżi żewġ mistoqsijiet oħrajn 1) Lil liema mexxej ta' partit l-aktar li tafda? u 2) Liema huwa l-aqwa mexxej biex ikun PM?

Għall-ewwel risposta 17.1% qalu li jafdaw aktar lil Muscat, mqabbel mad-9.9% li jafdaw aktar lil Busuttil. Minkejja dan 31% ma rrispondewx, 28% qalu 'ma nafx' u 13.3% wieġbu 'lil ħadd'.

Għat-tieni mistoqsija 21.1% qalu li jħossu li Muscat kapaċi jkun l-aqwa mexxej għal Prim Ministru filwaqt li hawnhekk kienu 8.9% li wieġbu 'Simon Busuttil'. Minkejja dan 48.8% ma wieġbux.

 

 

 

More in Politika