Distakk żgħir jew distakk kbir? X’se jfisser?
Ħarsa lejn tliet xenarji differenti u l-implikazzjonijiet politiċi tagħhom

minn Albert Gauci Cunningham

Id-daqs tad-differenza bejn kemm ġab voti l-PN u kemm ġab voti l-PL se jkun indikattiv ħafna tas-sitwazzjoni li fiha jinsabu ż-żewġ partiti f’Malta. L-ILLUM qed tħares lejn tliet xenarji differenti: Il-PL jirbaħ b’marġini kbar, il-PL jirbaħ b’marġini żgħar ħafna u l-PN jirbaħ.
Distakk kbir favur il-PL (16,000+)
Distakk qawwi ħafna favur il-Partit Laburista jkun ifisser ħafna affarijiet, l-aktar, li l-poplu għamel l-għażliet tiegħu bbażati l-aktar fuq materji ekonomiċi. Ikun verament eku tal-għajta li kien ħareġ biha James Carville, strateġista ta’ Bill Clinton għall-kampanja li l-istess Clinton kien rebaħ b’suċċess, ‘It’s the economy, stupid’.
L-effetti ta’ distakk ta’ aktar minn 16,000 u aktar, jistgħu jkunu devastanti għall-Partit Nazzjonalista u għal Simon Busuttil. Fil-verità, distakk ta’ 16,000 minkejja li huwa inqas minn dak tal-2013, xorta jibqa’ ikbar minn kwalunkwe distakk favur il-PN mill-Indipendenza lil hawn. Imma riżultat bħal dan jista’ jkun perikoluż għax jitfa’ lill-PL f’żona ta’ kumdità minflok fuq l-allert u allura fil-verità jekk ma jibqax saqajh mal-art, distakk kbir jista’ joffri possibilità ta’ rebħa pirrika.
Distakk kbir favur il-Partit Laburista jitfa’ lil Muscat lura fuq il-pedestall politiku u b’hekk ikun aċċertat u konfermat bħala l-aktar Mexxej Laburista li ġab suċċessi lill-partit tiegħu.
Distakk żgħir favur il-PL (0-6,000)
Teknikament, tkun rebħa għall-PL. Imma riżultat fuq dawn il-linji xorta jkun theżżiza kbira għal Muscat u kważi disfatta. Riżultat bħal dan ma jheddidx il-pożizzjoni ta’ Busuttil li probabbilment jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-PN jibqa’ jibbattalja kemm jiflaħ biex jiekol mill-maġġoranza żgħira, issa mnaqqsa minn 36,000 fl-2013.
Dan ir-riżultat, anke jekk rebħa, ikun jeħtieġ ħafna ħin ta’ riflessjoni min-naħa tal-PL u tat-tmexxija tal-partit. Ikun jeħtieġ analiżi xierqa ta’ fejn u kif il-PL mar ħażin.
Kwalunkwe vantaġġ favur il-PN
Jekk ikun hemm vantaġġ favur il-PN u għalhekk dan jirbaħ l-elezzjoni, anke jekk ikun distakk minimu ta’ 1,000 vot, ir-rebħa favur il-PN tkun waħda kbira, moralment. L-ewwel nett, dan ikun riżultat li l-ebda sondaġġ ta’ kull nhar ta’ Ħadd ma ppreveda, la tal-Maltatoday, tal-Independent u lanqas tat-Torċa. Imma aktar minn hekk, ikun ifisser li Busuttil irnexxielu jiekol il-maġġoranza mill-aktar komda li kellu l-PL u li tatu rebħa storika.
Kwalunkwe distakk favur il-Partit Nazzjonalista jgħolli lil Busuttil fuq pedestall, fi status ta’ Kap kbir u tar-rispett, determinat u li jagħti l-frott.
Min-naħa l-oħra, dan ir-riżultat ikun diżastruż għall-PL. B’dan ir-riżultat, Muscat ikollu jagħmel dak li diġà qal li se jagħmel, jiġifieri jirreżenja, u l-Partit Laburista jieħu daqqa ta’ ħarta kbira, simili għal dak li ġara fl-1998, meta tilef il-Gvern u dam 16-il sena biex reġa’ kien elett.


