F'intervista ta' madwar tliet minuti fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN Simon Busuttil ma ndikax x'se jkun il-futur politiku tiegħu, anke jekk fil-fatt kienu bosta dawk li kienu qed jistennew li l-istess Busuttil kien se jiddikjara x'se jkun dan, wara li l-PN sofra telfa kolossali oħra, b'distakk ta' madwar/aktar minn 34,000 vot.
Minkejja li ma qalx x'se jkun il-futur politiku quddiem telfa li ħalliet lil ħafna Nazzjonalisti diżillużi ħafna, huwa qal li l-PN irid iżomm 'il-fjamma li xegħel għaddejja'. Hu indika li hemm proċess intern li l-PN irid jgħadd minnu issa. "Nirrispettaw id-deċiżjoni tal-poplu," saħaq il-Kap tal-PN, "jiena kburi li rrapreżentajna dak li l-PN u l-Forza Nazzjonali temmen fih. Xegħlna fjamma u din il-fjamma għandna nżommuha mixgħula, m’għandniex nitilquha."
Huwa sostna li l-PN irid jibda proċess intern u jibqa' Oppożizzjoni b'saħħitha.