Helena Dalli fit-tellieqa għal Deputat Mexxej tal-PL

Helena Dalli tista' tkun l-ewwel mara f'waħda mit-tliet l-ogħla karigi tal-PL mill-Indipendenza....

Helena Dalli, maħtura Ministru għat-tieni darba wara r-rebħa tal-PL
Helena Dalli, maħtura Ministru għat-tieni darba wara r-rebħa tal-PL

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli se tkun qed ittellaq għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL għall-Affarijiet tal-Parlament, liema kariga hija t-tieni l-aktar għolja fl-istrutturi tal-Partit Laburista u li min jokkupaha jkun ukoll id-Deputat Prim Ministru.

Helena Dalli kienet eletta mit-Tielet Distrett elettorali b’1,787 vot u eletta wkoll mit-Tieni Distrett Elettorali fejn kisbet 650 vot, u ġiet it-tielet kandidata bl-akbar numru ta’ voti wara Joseph Muscat u Joe Mizzi.

Dalli kienet waħda mill-aktar Ministri popolari fl-aħħar leġilżatura hekk kif mexxiet ’il quddiem il-Liġi tal-Unjoni Ċivili, il-Liġi tal-Ġeneru kif ukoll ħaffet il-proċess biex Joanne Cassar tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala mara u tidħol fiż-żwieġ.

Dalli kienet eletta għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1996 wara r-rebħa tal-Partit Laburista u dakinhar kienet maħtura Segretarja Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa, biex imbagħad baqgħet tkun eletta f’kull elezzjoni sa dik li saret ġimagħtejn ilu.

B’hekk Dalli issa se tingħaqad mal-Ministru Chris Fearne li wkoll esprima l-interess tiegħu illi jikkontesta għal din il-kariga qabel l-elezzjoni ġenerali. Fearne kien elett għat-tieni darba fl-aħħar elezzjoni ġenerali u kiseb l-akbar numru ta’ voti, fit-tielet u r-raba’ distrett. B’10,098 vot huwa kien ukoll it-tielet l-aktar Deputat li kiseb voti wara ż-żewġ mexxejja politiċi.

Lura fl-1996, it-trio Laburista kien magħmul minn Alfred Sant bħala Mexxej, George Abela bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u George Vella, bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Fl-1998, wara r-riżenja ta’ George Abela daħal floku l-Avukat Joe Brincat li baqa’ Deputat Mexxej sal-2003.

Intant bejn l-2003 u l-2008, il-PL għażel żewġ Deputati Mexxejja ġodda, Michael Falzon bħala Deputat Mexxej għall-Affarrijiet tal-Partit u Charles Mangion, għall-Affarijiet tal-Parlament.

Mal-ħatra ta’ Joseph Muscat, id-delegati tal-Partit Laburista għażlu lil Toni Abela u lil Anġlu Farrugia, li rreżenja ftit wara l-elezzjoni tal-2013 biex minfloku daħal Louis Grech. Grech u Abela, kienu parti mit-tmexxija rebbieħa tal-PL flimkien ma’ Muscat, biex fl-2015 Abela rreżenja u minfloku kien elett Chris Cardona.

Il-Ministru Helena Dalli, minn ta' quddiem f'kisbiet li għamel pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ċivili
Il-Ministru Helena Dalli, minn ta' quddiem f'kisbiet li għamel pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ċivili

Vot fuq it-tmexxija preżenti tal-PL

Il-Partit Laburista lbieraħ ħabbar li se jkun qed jilqa’ nomini għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament bejn nhar it-Tlieta, 20 ta' Ġunju fl-10.00am u l-Ħamis, 22 ta' Ġunju fis-6.00pm, wara li din il-ħatra tħalliet vakanti mill-eks Deputat Prim Ministru, Louis Grech.

Matul l-istess perjodu se jintlaqgħu nomini għallkarigi kollha eletti tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, hekk kif mitluba mill-istatut tal-istess partit. Dawn huma l-karigi ta' President, Viċi President, Segretarju Organizattiv u Segretarju Internazzjonali.

Barra minn hekk, irid isir vot sigriet ta' fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, u fid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona, hekk kif mitlub mill-istatut tal-Partit.

Il-votazzjonijiet se jsiru waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja li se tibda titlaqqa’ l-Ħamis, 13 ta' Lulju, fejn se jkun hemm diskors mill-Prim Ministru, li mistenni jniedi l-prijoritajiet ta' ħidma tal-Gvern Ġdid għall-ewwel parti ta' din it-tieni leġiżlatura.

Il-votazzjonijiet kollha għal dawn il-ħatriet se jkunu qed isiru dakinhar u l-għada, il-Ġimgħa, 14 ta' Lulju. F'każ li jkun hemm aktar minn 2 kandidati għall-ħatra ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, u ħadd mill-kandidati ma jikseb 50%+1 tal-voti validi mitfugħa, issir votazzjoni oħra bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla numru ta' voti l-għada s-Sibt, 15 ta' Lulju.

More in Politika