‘Naħseb kien ikun aħjar kieku ħriġt għalija’
Issa li għaddiet l-elezzjoni, l-ILLUM tfakkar lil Salvu fil-pjani oriġinali tiegħu...

More in Politika
Issa li għaddiet l-elezzjoni, l-ILLUM tfakkar lil Salvu fil-pjani oriġinali tiegħu...
Kien f’intervista ma’ din il-gazzetta ppubblikata nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2016 illi Salvu Mallia, aktar tard kandidat tal-PN qal illi kien beħsiebu joħroġ għall-elezzjoni waħdu, fuq l-ewwel u t-12-il distrett u jibni moviment madwaru li jagħmel riformi fis-sistema elettorali u li tneħħi dik li dakinhar kien iddeskriva bħala ‘dittatura taż-żewġ partiti.’
Issa li għaddiet l-elezzjoni, l-ILLUM staqsiet lil Mallia jekk iħossx li kieku kellu jreġġa’ l-arloġġ lura kienx ikun aħjar li jikkontesta għal rasu kif kien pjanat-oriġinarjament, milli mal-PN. Wara sekondi ta’ ħsieb Mallia wieġeb fl-affermattiv, “naħseb, iva. Naturalment qed inħarsu lura, imma naħseb kien ikun aħjar li kieku ħriġt għalija,” jgħid Salvu Mallia li bħal fl-2016 jerġa’ jiddeskrivi s-sistema politika lokali bħala ‘dittatura taż-żewġ partiti.”
Mistoqsi għalfejn qed jitkellem b’dan il-mod Mallia wieġeb li anke jekk hu xorta baqa’ jgħidha kif iħossha “xorta tħossok ristrett f’partit. Għalkemm jiena xorta tkellimt b’mod miftuħ dwar il-każ ta’ Toni Bezzina u anke l-veduti tiegħi dwar De Marco (dwar is-sehem tiegħu mal-kumpanija db) kienu pubbliċi. Bħalma tkellimt fuq tal-passaporti, l-ewwel għidna li ħażin filwaqt li kien hemm min kien qed jagħmel il-flus minnha (l-iskema IIP).”
“Illum inqis lili nnifsi bħala bniedem mingħajr partit,” sostna Mallia mal-ILLUM.
‘Il-poplu ġabuh qisu tfal ta’ koppja separata’
Mallia, li akkwista 115-il vot minn żewġ distretti, esprima d-diżgust tiegħu għal dik li implika li kienet qisha ġirja biex wieħed jintogħġob aktar mal-poplu mill-ieħor. “Il-poplu spiċċa qisu tfal ta’ koppja separata biż-żewġ ġenituri jwiegħdu minn kollox u jippruvaw iħassru t-tfal, biex wieħed jidher aħjar mill-ieħor.”
L-ILLUM staqsiet lil Mallia, kritiku ferventi ta’ Joseph Muscat u eks-kandidat mill-aktar kontroversjali għalfejn iħoss li l-poplu vvota daqstant bi ħġaru lill-Partit Laburista, bir-risposta instantenja tiegħu tkun li l-poplu Malti ma jridx ibiddel. “Aħna poplu ta’ bdiewa, bħal bdiewa nħobbu nimxu mat-tradizzjoni u ma rridux inbiddlu. In-nies imorru għal dak li jafu u marru għall-flus u hawnhekk dejjem għall-but ivvutajna,” jkompli jgħid Mallia.
L-eks Kandidat tal-PN jgħid li sakemm jibqa’ jmexxi l-PL Joseph Muscat, li xebbhu ma’ demagogu, “jibqa’ jitkisser minn ġewwa imma jibqa’ jirbaħ l-elezzjonijiet.”