Jiddeċiedi skont ‘Egrant’
- Jekk l-inkjesta tissostanzja l-allegazzjonijiet Simon Busuttil jikkunsidra li jibqa’
- L-ebda diskussjoni fl-Eżekuttiv dwar il-bżonn ta’ 15,000+ vot biex persuna ssir Kap
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja li diġà huma magħrufin l-ewwel żewġ kontestanti għall-kariga ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista u minkejja li anke ma’ din il-gazzetta stess nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju Simon Busuttil kien indika li hu deċiż illi jirreżenja mill-kariga, sorsi qrib ħafna tal-PN infurmawna illi s-sitwazzjoni hija xi ftit aktar fluwida milli qed tingħata l-impressjoni.
Fil-fatt, fid-Dar Ċentrali qed tiġri l-kelma illi jekk mill-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja jirriżulta illi l-akkuża illi Michelle Muscat hija s-sidt tal-kumpanija Egrant u li minn din il-kumpanija għaddew mal-$1 miljun hija minnha jew li hemm xi forma ta’ verità fiha, Busuttil jirrikunsidra d-deċiżjoni tiegħu.
Minkejja illi l-ġimgħa d-dieħla se jiftħu n-nominazzjonijiet, bħal għada ġimgħa u jibqgħu miftuħin sa nhar l-Erbgħa 19 ta’ Lulju, is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM mhux qed jeskludu manuvri biex Busuttil jew ikun rikonfermat Kap, bil-proċess għal Kap ġdid ikun imwaqqaf jew inkella biex l-ebda kandidat ma jikseb is-66% meħtieġa biex ikun elett, jekk kemm il-darba l-inkjesti Maġisterjali imma b’mod partikolari dik dwar Egrant tindika l-involviment ta’ Muscat.
Dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi l-bżonn taż-żewġ terzi tal-madwar 23,000 tesserat biex ikun elett Kap tal-PN, ‘tressqet quddiem l-eżekuttiv mingħajr diskussjoni. Ħadd m’oġġezzjona għax kulħadd baqa’ sorpriż kif xi ħaġa bħal din tiġi mressqa bħala fait accompli.’ Dan ifisser li biex persuna tkun eletta Kap trid takkwista mal-15,000 vot mit-tesserati. Jekk dan jibqa’ ma jintlaħaqx, jerġgħu jinfetħu n-nominazzjonijiet, mill-ġdid.
F’risposta għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta l-Kap tal-PN la ċaħad u lanqas ikkonferma l-informazzjoni li għandha din il-gazzetta.
Busuttil ma jgħidx x’jagħmel f’każ li l-inkjesti jissostanzjaw l-allegazzjonijiet
L-ILLUM staqsiet lil Busuttil jekk jerġax jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-PN jekk l-inkjesta, fil-fatt tiżvela illi kien hemm l-involviment ta’ Muscat fil-kumpanija Egrant. Kelliem tal-PN irreferiena għall-filmat ta’ dak li kien qal Busuttil fl-ewwel dehra tiegħu wara t-telfa kbira, ir-raba’ tad-daqs tagħha, li sofra l-Partit Nazzjonalista.
F’dan il-filmat Busuttil jgħid illi hu beda l-proċess biex ikun elett Kap ġdid tal-PN u ma stenniex l-eżitu ppubblikat tal-inkjesti maġisterjali biex ma jitfax pressjoni fuq il-ġudikatura u fuq dawk il-maġistrati li qed imexxu t-tali inkjesti dwar Egrant u dwar akkużi ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. Dakinhar Busuttil kien qal ukoll illi dan juri illi l-PN, kuntrarjament għal Muscat, tassew jirrispetta l-indipedenza tal-ġudikatura.
Minkejja dan, fil-filmat Busuttil fl-ebda mument ma jgħid x’jagħmel hu, jekk jitlobx li jkun ikkonfermat mill-ġdid jew jekk saħansitra jitfax in-nomina kemm-il darba l-inkjesti jissostanzjaw l-allegazzjonijiet. Fil-filmat Busuttil jgħid biss hekk; “Huma (il-maġistrati) liberi li jagħmlu xogħolhom fiż-żmien li jħossu huma mbagħad wieħed jieħu rendikont tad-deċizjoni illi huma jieħdu.”
Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi jekk l-inkjesti jagħtu eżitu li jissostanzja l-allegazzjonijiet, il-PN ikun jista’ jgħid illi Busuttil kien vindikat u li allura għandu jibqa’.
L-intenzjoni ta’ Busuttil f’dan ix-xenarju tant huwa reali illi Chris Said, wieħed miż-żewġ persuni li mistenni jitfa’ n-nomina għall-elezzjoni ta’ kap tal-PN, diġà qal f’intervista mal-gazzetta The Malta Independent li jekk Busuttil jitfa’ n-nomina hu jirtira tiegħu.
Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi s-sitwazzjoni fil-PN għadha fluwida u minkejja li s’issa kollox jidher lest għat-taqtigħa bejn Said u Adrian Delia, ix-xenarju jista’ jinbidel kompletament jekk l-eżitu tal-inkjesti jagħtu lil Busuttil ir-riħ fil-qala.
Jidher illi Claudio Grech, persuna oħra li qed jissemma’ għat-tiġrija għall-ogħla kariga fil-PN, qed jibqa’ jżomm l-intenzjonijiet tiegħu għalih innifsu. Mal-ILLUM, fil-ħarġa tat-18 ta’ Ġunju Grech kien sostna li qabel kollox hu kien se jistenna li d-deċiżjoni ta’ Busuttil tkun waħda definita, qabel ma jagħmel pubblika l-intenzjoni tiegħu. S’issa, erba’ ġimgħat wara, Grech għadu ma qal xejn dwar l-intenzjonijiet tiegħu.