opinjoni | L-għażla ta’ Muscat
Saviour Balzan dwar l-għażla tad-delegati Laburisti...
minn Saviour Balzan
Hekk kif bdew iħabbru l-kandidatura għall-post ta’ deputat mexxej fil-Partit Laburista, it-tliet kandidati taw l-impressjoni li kollha kemm huma għandhom is-sapport tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-verità hi li Edward Scicluna, ministru tal-finanzi, biss ġie mitlub biex jitfa’ l-kandidatura tiegħu minn Muscat.
Iva, l-oħrajn ġabu l-barka imma mhux is-siġġill. Ħa nagħmilha ċara ma jfissirx li Dalli jew Fearne mhumiex tajbin biex ikunu kandidati jew li ma jkunux tajbin għall-kandidatura ta’ mexxej – ħames snin oħra.
Iżda hija ċara li Joseph Muscat irid kontinwità fil-politika tiegħu. Irid li dak li kien beda ma’ Louis Grech u Toni Abela jitkompla fl-aħħar ħames snin tiegħu ta’ gvern.
Edward Scicluna mhuwiex politiku tas-soltu, ma trabbiex fil-partit Laburista bħalma trabbiet Dalli u sa ċertu punt Fearne.
Imma għandu valur importanti ħafna għal Muscat, huwa moderat, ċar, jitkellem b’mod kalm, jirrappreżenta l-ħsieb ekonomiku ta’ Muscat u jappella għan-nies ta’ nofs triq.
Jiġifieri dawk li kieku għalihom il-Partit Laburista huwa l-partit tal-bawbaw tat-tmenijiet.
Scicluna għandu valur ieħor, huwa leali u ma jistax jaqla’ inkwiet għal Muscat. U Muscat ma jridx wieħed jew waħda mqarba ma’ sormu.
Fuq Muscat: Irid jiffoka fuq ix-xogħol tiegħu u mhux fuq min irid jilħaq minfloku. Għaldaqstant din kienet ir-raġuni għalfejn dar fuq Scicluna u kkonvinċih biex joħroġ Saviour Balzan
Ma jfissirx li Helena Dalli jew Chris Fearne huma t’hekk imma jibqa’ l-fatt li Muscat ma jridx logħob.
Irid li l-aħħar ħames snin jidħol fil-port bil-qlugħ imtellgħin u mimljin u mingħajr ma jkollu jħares lura jew mal-ġenb.
Irid jiffokka fuq ix-xogħol tiegħu u mhux fuq min irid jilħaq minfloku.
Għaldaqstant din kienet ir-raġuni għalfejn dar fuq Scicluna u kkonvinċieh biex joħroġ.
Scicluna għandu 70 sena, ħames snin oħra jew qabel ikun ideali biex jiġi nominat bħala President. Bniedem mhux kontroversjali u raġunat.
Muscat ma jilgħabx ċess għalxejn.
Jaf li ħames snin oħra ser ikun hemm ħafna kandidati li jkunu qed iħarsu lejn it-tron u mhux ser ikun faċli li jinstab persuna li għandu l-istess merti tiegħu.
Imma ma naħsibx li ser ikun daqshekk egoist li jħalli kollox għaċ-ċans u jaċċetta li jiġi xi ħadd ambizzjuż li ma għandux il-kapaċità jibni fuq dak li rnexxielu jwettaq.
Scicluna għandu 70 sena, ħames snin oħra jew qabel ikun ideali biex jiġi nominat bħala President. Bniedem mhux kontroversjali u raġunat. Muscat ma jilgħabx ċess għalxejn Saviour Balzan
Iktar u iktar meta jidher ċar li Partit Nazzjonalista qisu tim tal-futbol fejn mhux biss hemm ħafna qtugħ ta’ qalb, imma ksur u muskoli miġbudin.
Hemm ukoll realtà oħra, il-Partit Laburista jrid xi ħadd żagħżugħ li jmexxi ħames snin oħra, xi ħadd li llum għandu 35 u jagħlaq 40 sena ħames snin oħra jew irid xi ħadd matur ta’ sittin sena bħal mhu ser ikun Dalli u Fearne?
Ma hemm xejn ħażin li jkun hemm nies maturi, anzi xi kultant aħjar. Imma kollox fih tiegħu. U jekk verament timmaġina partit politiku ħaj u mimli enerġija iktar tistenna li l-kandidat li jippreżenta ruħu ħames snin ikun żgħir u mhux matur.
Imma danakollu paroli vojt għax l-ewwel irid jiġi elett deputat mexxej minflok Louis Grech. Verament meta tikkunsidra kollox, ħafna mix-xogħol tad-deputati mexxejja huwa simboliku. Il-Prim Ministru jibqa’ l-ġeneral li jiddeċiedi kollox.
Imma għax huwa simboliku, Muscat irid li Scicluna jkun il-persuna li tkun ħdejh, bħalma kien fl-elezzjoni ġenerali fejn ippreżenta lilu nnifsu bħala persuna li xprunat l-ekonomija ta’ Malta u mhux hekk biss, imma tat l-impressjoni li kollox miexi ħarir.
Fl-ekonomija, bħal fin-negozju, il-perċezzjoni kollox. Scicluna jirnexxilu jkattar dik il-perċezzjoni. Muscat iħobb ikattar perċezzjoni, ħafna drabi bbażata fuq il-verità u bosta drabi bbażata fuq illużjoni.
Imma dik hija l-politika, u jista’ jkun li d-delegati tal-Partit Laburista dan l-argument fehmuh iktar milli naħsbu u bħas-soltu jiddiċiedu b’ċerti għaqal u ħażen.
Saviour Balzan huwa l-Editur Maniġerjali tal-Mediatoday