'Il-legalizzar tal-marijuana ‘pass kbir lura’
Id-Direttur Ġenerali tal-OASI jgħid li l-wegħda li tkun legalizzata l-marijuana hija ‘ingann’ - Id-Direttur kliniku ta' Sedqa jgħid illi l-konsum tal-kokaina laħaq dak tal-alkoġħol fil-festi
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja li l-pajjiż il-ġimgħa l-oħra kien mehdi jiddiskuti l-Abozz ta’ Liġi li se temenda l-att taż-Żwieġ, diġà bdew iqumu l-irwiefen fuq proposta għal diskussjoni li tista’ twassal għal-legalizzazzjoni tal-marijuana rikreattiva. Ma’ din il-gazzetta Fr Hilary Tagliaferro, li jmexxi l-Millenium Chapel u awtorità f’dak kollu li jirrigwarda l-faqar u persuni vulnerabbli inkluż vittmi tad-droga, sostna li l-legalizzar tal-marijuana jkun “pass lura sew.”
Fl-isfond ta’ konferenza dwar id-droga, Tagliaferro saħaq illi bil-legalizzar ta’ din id-droga partikolari, “qed inbiddlu l-kultura minn waħda ta’ xorb li tant kienet kibret li ma stajniex niġġilduha aktar, għal waħda ta’ droga. U oqgħod fuq kliemi,” sostna Tagliaferro, “bil-legalizzar tal-marijuana qed niftħu l-bibien biex wara l-ħaxixa, tkun legalizzata l-kokaina u l-eroina. Probabbilment ma nkunx ħaj meta jiġri dan imma oqgħod fuq kliemi, hekk se jiġri.”
“Jien rajt familji mkissrin minħabba l-użu tal-marijuana jew tal-alkoħol. Jiġifieri jeħtieġ noqogħdu attenti, mhux billi ngħidu li wegħedniha. Wegħedniha lil min? Ma’ min saret diskussjoni dwar dan?” D.Manwel Cordina (OASI)
Ma’ Tagliaferro jaqbel b’ħeġġa d-Direttur Ġenerali tal-Oasi Dun Manwel Cordina li mal-ILLUM saħansitra akkuża liż-żewġ partiti politiċi b’ingann meta wiegħdu jew indikaw li se tkun qed tiġi legalizzata l-marijuana. “Meta xi ħaġa bħal din toħroġha fuq il-programm elettorali tkun qed tinganna,” qal Cordina li nsista’ illi jekk din il-proposta ma titressaqx quddiem il-poplu b’referendum, fil-Parlament kull Deputat għandu jitħalla fil-libertà li jivvota skont il-kuxjenza. “Jien rajt familji mkissrin minħabba l-użu tal-marijuana jew tal-alkoħol. Jiġifieri jeħtieġ noqogħdu attenti, mhux billi ngħidu li wegħedniha. Wegħedniha lil min? Ma’ min saret diskussjoni dwar dan?” staqsa Cordina.
Intant Tagliaferro, sostna li t-teħid tad-droga hu b’xi mod relatat mal-kultura u mal-ideat taż-żmien li nkunu qed ngħixu fih. “Illum qed ngħixu fi żmien fejn kollox flus, xejn mhu xejn u jekk se nibqgħu sejrin b’din ir-rata bl-Alla tagħna jibqgħu l-flus ix-xejra u l-isfida tal-użu tad-droga se tibqa’ magħna.”
Min-naħa tiegħu Cordina qal illi hu kien bassar li d-dikriminalizzazzjoni tal-użu personali se twassal għal oħra dwar il-legalizzazzjoni, “u hekk ġara. Din il-kwistjoni missha dejjem baqgħet lil hinn mill-politika, dan wara kollox dwar is-saħħa tat-tfal tagħna qed nitkellmu,” temm jgħid Cordina.
Il-legalizzar tal-marijuana rikreattiva kienet tqajmet mill-Prim Ministru Joseph Muscat kmieni fil-kampanja elettorali meta kien sostna li wasal iż-żmien li tibda diskussjoni dwar dan u ftit wara, meta kien qal li personalment hu kien favur il-legalizzazzjoni tal-marijuana rikreattiva. Il-Kap ta-PN Simon Busuttil u l-Partit Demokratiku wkoll, qalu illi kienu favur diskussjoni ‘infurmata’ dwar dan is-suġġett.
Intant il-vuċijiet ta’ Tagliaferro u Cordina jingħaqdu ma’ dak tal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma li fl-istess okkażjoni wissa li l-legalizzar tal-marijuana tista’ tagħmel ħsara lis-soċjetà. “X’se jkun il-limitu legali tal-marijuana meta qed isuq jew sejjer ix-xogħol? Se jkun permess li tpejjep il-ħaxixa d-dar quddiem uliedek?”
Huwa insista li l-legalizzar tal-marijuana jkollha effett kbir ħafna fuq is-soċjetà u jekk l-affarijiet ma jkunux ċari, “mela m’għandniex nersqu lil hemm.”
“Illum tista’ tgħid li tikkontrolla, imma għada?”
Mal-ILLUM Tania Farrugia, Psikologa Klinika li ħadmet mal-OASI għal erba’ snin u li ilha taħdem fil-qasam tas-saħħa mentali għal tmienja spjegat kif ċerti tipi ta’ nies huma attirati lejn tipi differenti ta’ droga, fis-sens illi hemm rabta bejn l-użu tad-droga speċifika mal-karattru u/jew ma’ dak li tkun qed tfittex il-persuna.” Farrugia tispjega kif persuna jista’ jkun li tikkonsma l-alkoħol jew droga, bħall-eroina, biex tfittex dak is-sens ta’ kalma, filwaqt li tieħu drogi oħrajn bħall-kokaina għax tkun qed tfittex sens ta’ gratifikazzjoni. Naturalment iżda dawn huma argumenti li jindiblu minn karattru għall-ieħor u minn realtà għall-oħra, kif jinbidlu wkoll ir-raġunijiet għalfejn persuna fil-fatt tieħu d-droga.
Fost dawn, tispjega l-Psikologa mal-ILLUM, hemm l-aċċess, s-soċjetà u l-karattru minnu nnifsu, jekk persuna għandhiex karattru iktar suġġettibbli għall-vizzji jew le.
Hemm iva min jikkontrolla, imma għax tikkontrolla llum m’għandekx garanzija ta’ x’se jiġri għada Tania Farrugia, Psikologa
L-ILLUM tfakkar lil Farrugia iżda li jeżistu ħafna nies, probabilment il-maġġoranza ta’ dawk li jikkunsmaw xi droga, illi jagħmlu dan għal skopijiet purament rikreattivi. Allura tistà tikkontrolla, le? “Hemm iva min jikkontrolla, imma għax tikkontrolla llum m’għandekx garanzija ta’ x’se jiġri għada,” wieġbet Farrugia li fakkret ukoll illi l-qafas bijoloġiku tal-persuna jinbidel ukoll u allura l-effett tad-droga jaffetwa lill-persuna b’mod differenti.
X’effetti psikoloġiċi fit-tul, ikollha persuna li tagħmel użu kontinwu u għat-tul tad-droga? Farrugia tgħid li din il-mistoqsija mux la kemm tweġibha; “diffiċli tgħid x’inhu dak li huwa l-effett dirett tad-droga, għax trid tara x’kienet is-sitwazzjoni qabel l-użu. Jiġifieri trid tara kinitx id-droga li ħolqot il-problema/jew l-effetti jew jekk id-droga għamlitx l-effetti diġà eżistenti agħar.”
‘Għandna problema massiċċa bil-kokaina f’pajjiżna’
Intant l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ George Grech, Direttur Kliniku tas-Sedqa li sostna illi f’pajjiżna ‘l-problema bit-teħid tal-kokaina, hija waħda massiċċa. Kbira ħafna.”
Għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta Grech żvela kif “fil-festi, mir-rispons li qed ikollna, il-konsum tal-kokaina huwa ugwali għal dak tal-alkoħol. U mhux biss, illum il-kokaina qed tittieħed f’tiġijiet u ċelebrazzjonijiet oħrajn, jekk hux ċelebrazzjonijiet jew avvenimenti relatati ma’ elezzjoni jew mal-isport."
Grech spjega mal-ILLUM kif id-Detox imorru bejn is-700 u d-900 persuna biex jieħdu l-methadone bħala sostitut għall-eroina, imma issa bdejna wkoll programmi partikolari fil-Cocaine Clinic.”
Grech jispjega kif kemm ilha topera din il-klinika intużat minn 150 persuna, li lkoll attendew il-‘Community Based Programme’ li jieħu l-forma ta’ psikoterapija intensiva. “Bħalissa bħala Sedqa ftit qed ikollna klijenti ġodda li jużaw l-eroina, iktar persuni li kienu diġà ġew għandna. Imma qed ikollna żieda kbira f’dawk li jużaw il-kokaina.
illum il-kokaina qed tittieħed f’tiġijiet u ċelebrazzjonijiet oħrajn, jekk hux ċelebrazzjonijiet jew avvenimenti relatati ma’ elezzjoni jew mal-isport George Grech, Direttur Sedqa
L-ILLUM tistaqsi lil Grech għalfejn qed jiġri dan, bir-risposta tiegħu tkun li t-teħid tal-kokaina hija konsonanti wkoll mal-ħajja mgħaġġla għax iżżommok imqajjem u fuq l-allert, apparti li tagħti sensazzjoni ta’ illużjonijiet. Naturalment, dan għall-bidu għax imbagħad tħossok imkisser.”