‘Meta tammetti li għandek problema ta’ droga, tibda tfieq’

Clifford Galea jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu mad-droga u kif rabba s-saħħa biex jerġa jqum fuq saqajh....

Clifford Galea | Ritratt Patrick Falzon
Clifford Galea | Ritratt Patrick Falzon

Il-ħajja mimlija tlajja’, u nżul, ferħ u dwejjaq u mumenti ta’ kburija u oħrajn ta’ sfida. Minkejja l-idea jew l-impressjoni li persuna li taqa’ fil-vizzju tad-droga jrid ikollha dehra ta’ persuna ta’ qattagħni, jew dehra ta’ persuna abnormalment irqiqa, fil-fatt kulħadd jista’ jkun vittma. Anke l-inqas persuna li qatt tkun timmaġina. Anke l-iktar persuna li taraha, meta taraha dejjem ikollha wiċċha mżejjen b’dik id-daħka sabiħa.

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Clifford Galea. Żagħżugħ popolari sew fin-Naxxar, dilettant tal-istorja, wiċċ familjari fuq it-TV u persuna li tħossok komdu magħha wara ftit sekondi. La jidher ta’ qattagħni, la jidher li għadda minn burraxki u iktar u iktar li għal żmien kien spiċċa vittma tad-droga.

Darba kien qalli li kellu aptit waħda u ma fhimtx għall-ewwel, imma kien qed jirreferi għal gramma kokaina Clifford Galea

“Qatt ma kont nieħu xejn, lanqas alkoħol ma kont nixrob u ma kontx inpejjep anqas,” jibda jispjega Clifford fil-ħanut fil-Mosta, fejn kważi kull min daħal sellimlu. “Imma jiġrulek affarijiet u tgħaddi minn esperjenzi li qatt u qatt ma tkun tistenna, li iżda jgħallmuk.”

“Niftakar li kienet ingħaqdet persuna ġdida fin-negozju li kont immexxi ma’ tnejn oħra, persuna li laqtitni mill-karattru u oltrè. Darba fost l-oħrajn kien qalli biex noqgħod attent għax il-flus tan-negozju kienu qed jintużaw mis-sħab fl-istess negozju, biex tinxtara l-kokaina. Sfortunatament bqajna, bqajna sakemm in-negozju falla.”

Jieqaf għal ftit u jkompli jispjega kif din kienet biss il-bidu ta’ rabta li niżżlitu ’l isfel waħda sew. “Darba kien qalli li kellu aptit waħda u ma fhimtx għall-ewwel, imma kien qed jirreferi għal gramma kokaina. Dakinhar kien ħa u jien le. Imma sadanittant,” kompla jispjega ma’ din il-gazzetta, “ir-relazzjoni bejn it-tnejn bdiet tissaħħaħ u ssir aktar personali. Kien hemm il-ġibda lejn il-persuna, ġibda li żdiedet kuljum, sakemm bdejt nemmen li biex inżomm din ir-relazzjoni għaddejja ta' ħbieb kbar kelli nagħmel dak li kien qed jagħmel hu. Ara ftit kif jaħseb il-bniedem kultant”

Galea jispjega kif minkejja li hu qatt ma kien miss ma’ droga, ħass li ried jgħin lill-persuna imma ma rnexxielux. Sakemm l-affarijiet bdew jiggravaw u l-ispejjeż bdew jiżdiedu u anke hu beda jistaqsi jekk din hix il-ħajja li xtaq jgħix.

bdejt nemmen li biex inżomm din ir-relazzjoni għaddejja ta' ħbieb kbar kelli nagħmel dak li kien qed jagħmel hu. Ara ftit kif jaħseb il-bniedem kultant Clifford Galea

“Kont nistaqsi jekk din kinitx il-ħajja li ridt għalija nnifsi, kont indunajt li b’dan il-persuna jew mingħajru jien xorta kont se naqa’ fil-vizzju għax għandi personalità iktar vulnerabbli. Jiġifieri huwa veru li kienet din il-persuna li laqqgħetni mal-użu tad-droga, imma fil-fatt kont dgħajjef wisq biex ngħid le.”

Galea kompla jirrakkonta kif kien f’dan il-mument illi induna li jeħtieġ jagħmel xi ħaġa biex ibiddel ħajtu, biex ibiddel ir-rotta. “Trid tammetti li għandek problema, minn hemm jibda l-fejqan. Trid tħares fil-mera u tgħid iva jien għandi problema. U nħossni kburi b’dan. Għax, minkejja l-biża’, il-kburija tinsab f’li tammetti li għandek problema, mhux f’li tgħix daqslikieku dik l-istess problema ma teżistix.”

Minn hawnhekk Clifford ma ħares qatt lura. Beda jieħu l-għajnuna u għamel programm ta’ tliet xhur mal-OASI. Jispjega kif hawnhekk kien jgħix bħala parti minn komunità “fi proċess illi matulu tiskopri lilek innifsek. Tiskopri min verament int. Wara li spiċċajt il-programm kont bdejt nieħu pjaċir sempliċiment b’mixja. Tant kont sibt paċi miegħi nnifsi li l-aktar affarijiet sempliċi kienu jagħtuni tant gost.”

i tifhem illi d-dgħufija mhux li tammetti li għandek problema, id-dgħufija hija li tgħix bi kburija, ma tammettix u tħalli d-droga tkissrek Clifford Galea

Intemm billi nistaqsih, x’messaġġ jixtieq li jgħaddi lil dawk li forsi qed jaqraw dan ir-rakkont u qed jiġġudikawh b’mod negattiv. Forsi qed jifhmu li qatt ma stennew hekk minn xi ħadd maħbub u li xi ftit jew wisq dejjem għex ħajtu f’ċerta ġabra u normalità. “Tagħtux tikketti,” jibda jgħid Galea, “tista’ tkun artist, politikant, tista’ tkun min tkun għax dawn l-affarijiet jistgħu jiġru lil kulħadd. Huwa l-karattru u l-mument jew l-emozzjoni jew ix-xewqa li titfgħek f’din it-triq jekk ma tkunx b’saħħtek biżżejjed.” “L-importanti,” itemm Galea, “ li tifhem illi d-dgħufija mhux li tammetti li għandek problema, id-dgħufija hija li tgħix bi kburija, ma  tammettix u tħalli d-droga tkissrek.”

 

More in Politika