‘Kissru l-bibien tal-closet, qumu minn hemm u ġġieldu’ - Harvey Milk

Mil-liberazzjoni għall-ugwaljanza...Fil-jum illi fih Malta se tintroduċi żwieġ għal persuni tal-istess sess l-illum.com.mt tħares lejn deċenji ta’ battalji kontra d-diskriminazzjoni  u favur l-imħabba, f’Malta u lil hinn minnha

Ir-rewwixti msejħin 'Stonewall' fi New York
Ir-rewwixti msejħin 'Stonewall' fi New York

Mhux biss il-komunità LGBTIQ imma l-pajjiż kollu reġa’ qed jesperjenza mument storiku fit-tragward favur l-ugwaljanza. Kollox beda fl-2014 hekk kif ftit biss wara li kien elett Gvern Laburista dan trasforma f’liġi l-wegħda elettorali ta’ Unjoni Ċivili. Att li fetaħ it-triq biex koppji tal-istess sess ikunu jistgħu jiċċelebraw b’mod legali u formali l-imħabba tagħhom f’għaqda rikonoxxuta mill-istat.

Erba’ snin wara ċ-ċelebrazzjonijiet fi Pjazza San Ġorġ il-pajjiż, għal darb’oħra taħt Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat se jkun qed jagħmel l-aħħar siġill fuq proċess illi beda hu stess, erba’ snin ilu.

Bħal erba’ snin ilu, anke jekk din id-darba l-PN qed jgħid li se jivvota favur, qamu l-oġġezzjonijiet u l-kritika jew lejn l-att innifsu jew inkella lejn partijiet u artikli mill-liġi partikolari. Fost il-kritika u l-għadab tal-forzi aktar konservattivi, bħal dejjem, bdiet tidwi l-għajta li ‘l-minoranzi qed jiddettaw lill-maġġoranza’ u li ‘l-gay lobby sar iktar (jew wisq) b’saħħtu’. Dan apparti s-soltu għajjat ta’ ‘libertinaġġ’, ‘immoralità’ u ħafna stqarrijiet oħrajn xi ftit jew wisq marbutin mas-suppost supremazija ta’ tip ta’ relazzjoni fuq oħra, li kienet għadha u se tibqa’ dejjem f’minoranza.

Illum malta tintroduċi iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess
Illum malta tintroduċi iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess

Minkejja l-idea iżda li dan kollu beda llum, li f’pajjiżna skoprejna l-Amerika jew li qed indawru r-rota għall-ewwel darba, il-battalja u l-‘lobbying’ politiku minn għaqdiet LGBTIQ ilhom għaddejjin deċenji fuq deċenji. L-ugwaljanza, kienet dejjem kwistjoni politika u waħda illi wasslet għal protesti, rewwixti, bidliet u progress. Imma dejjem kien ‘lobbying’ b’mod paċifiku permezz tal-konvinzjoni jew vjolenti, permezz tal-protesti, li wassal għall-għoti tad-drittijiet ugwali lil miljuni kbar ta’ persuni LGBTIQ madwar id-dinja.

Fil-kuntest tal-iżviluppi politiċi lokali f’dan il-qasam l-ILLUM tat ħarsa lejn il-kisbiet tal-komunità LGBTIQ madwar id-dinja u fl-istorja biex b’hekk il-qarrejja tagħna jifhmu aħjar kif dak li qed jiġri madwarna, qed jiġri f’kuntest wiesa’ ħafna, kuntest soċjali imma wkoll politiku u storiku, Ewropew u internazzjonali.

Il-bandiera tal-qawsalla, rappreżentattiva tal-Lobby LGBTIQ matul is-snin
Il-bandiera tal-qawsalla, rappreżentattiva tal-Lobby LGBTIQ matul is-snin

1791, Franza...

...kien l-ewwel pajjiż li ddikriminalizza l-omosesswalità, probabilment l-aktar grazzi għal Jean Jaques Regis De Cambaceres li kien wieħed mill-awturi tal-Kodiċi Napoleonika.

Ir-riformista Jeremy Benthan...

...kien l-ewwel persuna li ddiskuta l-kunċett tal-omosesswalità f’diskussjoni aktar wiesgħa tal-moralità, fi żmien fejn l-omosesswalità kienet meqjusa bħala ħażina u immorali u anke suġġett għal sentenza ta’ mewt. Benthan kien argumenta illi l-moralità ta’ azzjoni hija determinata mill-konsegwenza tagħha fuq l-uman u allura ladarba l-omosesswalità hija ‘att kriminali’ mingħajr vittma, ma jixraqilhiex li tissejjaħ att kriminali jew li tkun meqjusa bħala aberrazzjoni.

Sal-1833 persuni bħall-Kaptan Nicholas Nicholls fir-Renju Unit kienu sentenzjati għall-mewt ħatja ta’ sodomija.

L-Att Labouchere li tefa' lil Oscar Wilde il-ħabs
L-Att Labouchere li tefa' lil Oscar Wilde il-ħabs

L-Era Vittorjana...

...ma kienet sabiħa xejn għal ħafna nies, fosthom persuni b’ġibda sesswali lejn persuni tal-istess sess. Fil-fatt taħt ir-renju tar-Reġina Vittorja, fl-1885 kienu saru l-emendi ta’ Labouchere illi wasslu biex kull att ‘indiċenti’ bejn żewġ rġiel kien ikkriminalizzat.

L-aktar vittma ċelebri ta’ din l-era mudlama huwa l-kittieb Oscar Wilde, li fl-1895 kien ingħata l-eħrex sentenza li ddaħlet fl-emendi, sentejn priġunerija  wara li nġibed lejn George Cecil Ives u saħansitra biesu pubblikament fit-Travellers’ Club.

Il-kelma omosesswali...

Din il-kelma, skont l-Oxford English Dictionary intużat għall-ewwel darba fl-1892 f’kitba medika ta’ C.G. Chaddock fiż-żmien meta kienu bosta l-kittieba u studjużi Ingliżi li bdew iħarsu aktar fil-fond lejn ir-realtà tal-omosesswali. Fost dawn, il-poeta soċjalist Edward Carpenter li kien qal illi l-omosesswalità kienet xi ħaġa naturali u karatteristika li ma kellha qatt tkun rigwardata bħala dnub jew att kriminali.

Imma kien fl-1897 meta kien ippubblikat l-ewwel studju xjentifiku tal-omosesswalità, miktub mis-sessoloġista Ingliż Havelock Ellis. L-istudju kien miktub bil-Ġermaniż u fih Ellis argumenta li relazzjoni ma tista’ qatt tkun imsejħa bħala att kriminali jew kundizzjoni mentali.

Karl Marx fetaħ il-bibien..imma Stalin reġġa lura kollox
Karl Marx fetaħ il-bibien..imma Stalin reġġa lura kollox

Il-Komuniżmu fetaħ il-bibien u sabbathom...

...hekk kif fl-1922 il-Kodiċi kriminali tal-Unjoni Sovjetika ddikriminalizza l-omosesswalità. Naturalment dan kien meqjus bħala pass kbir ’il quddiem f’pajjiż li kien iktar rurali u konservattiv. Il-pjan Komunista kien parti minn pjan ħafna ikbar li jagħti drittijiet u saħħa lin-nisa u jillegalizza l-abort, id-divorzju u jagħti drittijiet ugwali f’kull qasam lill-mara.

Imma mal-mewt ta’ Karl Marx u l-poter f’idejn Stalin il-miżuri kollha soċjali, fosthom ukoll favur l-omosesswalità kienu mreġġġħin lura. L-omosesswalità saret att kriminali mill-ġdid u fir-Russja u l-pajjiżi kollha eks-Sovjetiċi l-ġlieda favur l-ugwaljanza u anke liberazzjoni għadha għaddejja qatigħ, bi vjolenza fuq persuni LGBTIQ xorta komuni.

Id-Deputat Laburista Ingliż Roy Jenkins
Id-Deputat Laburista Ingliż Roy Jenkins

Fl-1962 quddiem is-Sala tal-Indipendenza...

F’Philadelphia, l-Istati Uniti isir l-ewwel marċ għall-persuni omosesswali, attività li timmarka storja sħiħa ta’ moviment li ħareġ lil miljuni ta’ nies minn ġod-dlam għad-dawl tal-eżistenza.

Il-50jiet u 60jiet kienu deċenji illi matulhom bdew movimenti f’pajjiżi bħall-Iżvezja, ir-Renju Unit u Franza favur l-aċċettazzjoni ta’ nies omosesswali fis-soċjetà. Fl-1957 kien sar ir-Rapport Wolfenden li ħeġġeġ favur id-dikriminalizzazzjoni tal-omosesswalità u li fil-fatt wassal biex id-Deputat Laburista Roy Jenkins jappoġġja l-Att li dikriminalizza l-omosesswalita fir-Renju Unit fl-1967 għal dawk l-irġiel ta’ aktar minn 21 sena fl-Ingilterra u Wales.  Jenkins, minkejja li kien miżżewweġ ma’ mara, kellu wkoll maħbub; Tony Crosland.

Brenda Howard; 'Mother of Pride'
Brenda Howard; 'Mother of Pride'

Kburi li jien gay...

Wieħed mill-appuntamenti annwali f’ħafna pajjiżi li ħafna persuni għadhom sal-lum, anke f’pajjiżna, jiddubitaw jew iħarsu lejh b’ċiniżmu huwa dak magħruf bħala ‘Gay Pride’. Marbuta ma’ dan l-avveniment hemm storja twila, li teħodna lura għall-1970 meta Brenda Howard kienet ikkoordinat l-ewwel marċ għal persuni LGBT.

Minn hemmhekk, beda moviment aktar radikali, li wassal għar-rewwixti Stonewall u l-Moviment tal-‘Gay Liberation’. Kien ippubblikat il-‘Gay Manifesto’, filwaqt li Paul Goodman kien ippubblika l-ktieb ‘The Politics of being Queer’.

L-Iżvezja l-ewwel pajjiż b'drittijiet u għajnuna għal persuni trans
L-Iżvezja l-ewwel pajjiż b'drittijiet u għajnuna għal persuni trans

L-Iżvezja sar l-ewwel pajjiż...

Li ta drittijiet lil persuni transesswali billi lleġiżla għall-possibilità li jbiddlu s-sess tagħhom u jingħataw terapija b’xejn għat-tibdil fl-ormoni. Dan seħħ fl-1972.   Dan l-istess pajjiż niżżel l-età tal-kunsens għal persuni LGBTIQ għal 15, bħal dik ta’ koppji eterosesswali.

Harvey Milk
Harvey Milk

Fl-1977 f’San Fransisco...

Tfaċċa wieħed mill-ikbar persunaġġi f’din l-istorja mimlija tlajja’ u nżul. Harvey Milk kien l-ewwel raġel li kien apertament gay illi kien elett f’kariga pubblika. Milk kien assasinat. Riċentement sar film ukoll dwar il-ħajja ta’ Milk bil-karattru ewlieni interpretat mill-attur Sean Penn, liema film reġa’ qajjem ħafna għarfien dwar l-istorja twila ta’ liberazzjoni u favur l-ugwaljanza.

Ftit qabel, fl-1974 Maureen Colquhoun, kienet l-ewwel Deputat Ingliż li qalet fil-pubbliku illi hija lesbjana.

 

Fl-1994 fil-Filippini...

Kienet organizzata l-ewwel attività ‘Gay Pride’ f’pajjiż Ażjatiku, fejn l-omosesswalità għadha xi ftit iktar moħbija, għalkemm dan naturalment huwa differenti skont il-pajjiż. Fil-Lvant Nofsani l-omosesswalità għadha illegali u punibbli b’mewt.

L-Olanda l-ewwel pajjiż...

Li fl-2001 legalizza u għamel possibbli żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Dan kien segwit mill-Kanada biex sal-2016 iż-żwieġ kien legali u rikonoxxut fl-Iżvezja, l-Arġentina, il-Belġju, l-Iżlanda, l-Irlanda, in-Norveġja, Spanja, il-Portugal, id-Danimarka, Franza, il-Messiku, ir-Renju Unit, f’ħafna stati fl-Istati Uniti u f’bosta pajjiżi oħrajn.

Fl-2010 l-iżlanda sar l-ewwel pajjiż li l-Parlament tiegħu vvota b’unanimità, b’49 vot favur u xejn kontra, favur żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Fl-Istati Uniti, fl-istess sena, persuni omosesswali setgħu jkunu parti mill-armata tal-pajjiż, xi ħaġa li kienet projbita fl-1993.

...u lokalment

F’Malta l-ewwel pass, bħal kull pass ieħor li sar, seħħ taħt Gvern Laburista. Kien Gvern immexxi mill-eks PM Duminku Mintoff li fl-1973 iddikrininalizza l-omosesswalità, għall-oppożizzjoni tal-PN u tal-knisja lokali dak iż-żmien imexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.

It-tieni pass reali seħħ fl-2013 meta l-Parlament Malti għadda l-Att dwar l-Unjoni Ċivili. Dakinhar il-PN astjena minħabba li dan l-att kien ta lill-koppji tal-istess sess id-dritt li japplikaw għall-adozzjoni.

Bħalissa l-Liġi taż-Żwieġ għall-Koppji tal-istess sess tinsab fi stadju tat-tielet qari.

More in Politika