Fl-ewwel dehra tiegħu fil-kampanja għall-kariga ta' kap tal-PN, waqt il-programm Dissett il-Kandidat għat-tmexxija tal-PN Frank Portelli qal illi jekk il-Kunsillieri tal-PN iridu li l-partit jirbaħ jeħtieġu jeleġġu 'patrijott', filwaqt li asserixxa li jekk hu jkun elett Kap u eventwalment PM lil 80% tal-immigranti jibgħathom lura pajjiżhom għax huma immigranti ekonomiċi, mhux refuġjati. "Ripatrijazzjoni, ripatrijazzjoni," sostna Portelli filwaqt li qal li hu ma jemminx fil-multikulturaliżmu. F'referenza għall-inċident li seħħ f'Buġibba matul din il-ġimgħa fejn numru ta' rġiel ġew fl-idejn huwa qal li wħud minn dawk li qed jiġu pajjiżna "qed iġibu l-gwerer tagħhom hawnhekk."
Intant, dwar il-vot li rrigwarda Żwieġ Ugwali Portelli qal li "Joseph Muscat mhux vera favur il-gays, lil gays qed jużahom bħala karta politika." Intant mistoqsi dwar il-proġett tal-Isptar Mater Dei Portelli qal li il-kumpanija Skanska għamlu l-bużullotti u li serquna, filwaqt li sostna li l-każ tal-konkos tal-Mater Dei juri kif dak li kien qal hu dwar dan il-proġett, meta implika li saret il-korruzzjoni, kien korrett.