“Il-PN irid jerġa jsir il-partit naturali tas-Self Employed.” Hekk qal Adrian Delia Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN meta ndirizza l-ġurnalisti fi Triq Merkanti fil-Belt Valletta. Delia ħabbar il-proposti tiegħu għas-settur tas-self employed, proposti li għandhom jibdew jitwetqu mill-Oppożizzjoni.
“Ħu sodisfaċenti li minn partit li jobgħod lis-self employed il-PL tgħallem tul is-snin li dam fl-oppożizzjoni u sar iżjed ‘friendly’ ma dan is-settur. Issa jmiss lilna li nerġaw insibu dak li dejjem kien jagħmilna l-partit tal-ħolqien ta l-opportunitajiet, il-partit li daħħal lil Malta fl-UE propju għaliex emmen fis-suq ħieles,” qal Dr. Delia.
Delia qal li d-dokument imħejji mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech tul il-leġiżlatura l-oħra kien wieħed eċċellenti, li lanqas il-Gvern Laburista, bil-konsulenti kollha li impjega, ma kien kapaċi jagħmel wieħed bhalu. “Jien nixtieq nibni fuq dak id-dokument u nżid iżjed proposti,” qal Dr. Delia.
“Jekk ningħata l-privileġġ li nsir Kap tal-PN se nitlob immedjatament lill-Fergħat li jirrappreżentaw dan is-settur biex flimkien iħejju pjan sabiex il-PN joħloq ‘Business Clinic’ - one-stop shop għal persuni self employed li għandhom diffikultajiet biex jimxu l-quddiem. Mill-Oppożizzjoni se nibdew nofru l-għajnuna u malli nkunu fil-Gvern noħolqu aġenzija speċifika għal dan-il għan,” sostna Adrian Delia.
Hu qal li rridu wkoll noħolqu ‘Access Point’ għal dawk is-self employed li għandhom bżonn aċċess għal pariri kif jieħdu soft-loans, ikunu tax-compliant, permessi tan-negozju u affarijiet oħra tekniċi li ġieli jxekklu persuni b’kapaċita li jiġġeneraw in-negozju iżda li jeħlu minħabba l-burokrazija żejda.
“Flimkien ma l-assoċċazzjonijiet tan-negozju irridu nidentifikaw il-problemi u nagħtu vuċi kontra min qed joħnoq il-kompetizzjoni ġusta billi ma jonorax l-obbligi meħtieġa, bhal pereżempju dawk li jibiegħu online,” qal Adrian Delia li għandu esperjenza vasta ta’ 25 sena fil-qasam tal-liġi u tan-negozju.
Proposta oħra hi li “noħolqu ‘Data Bank’ fejn dawk li jridu jkunu aġġornati dwar opportunitajiet u tibdil fil-qafas leġiżlattiv fejn jidħol in-negozju jkollhom aċċess dirett għal din l-informazzjoni kif ukoll opportunita li din tiġi spjegata lilhom fi kliem li jinftiehem minn kulħadd,” qal Dr. Delia.
Barra minhekk, irridu nfasslu programm biex ngħinu individwi li jixtiequ jibdew negozju ġdid u nagħtu għajnuna għal ħolqien ta’ ‘Start Ups’ qal Dr. Delia.
“Biex dawn il-proposti jseħħu mill-Oppożizzjoni il-PN jagħmel ‘Out Reach Programme’ biex dawk kollha li jridu jgħinu lill-partit joffru ‘Assistance Buckets’ ta’ siegħat għad-dispożizzjoni tas-self employed li jfittxu l-għajnuna,” qal Adrian Delia.