Il-whistleblower ta' Egrant titlaq mill-pajjiż
L-Avukat Difensur jgħid li ilu ma jistabbilixxi kuntatt magħha minn Ġunju u li l-avukat preċedenti baqa' ma tħallasx
More in Politika
L-Avukat Difensur jgħid li ilu ma jistabbilixxi kuntatt magħha minn Ġunju u li l-avukat preċedenti baqa' ma tħallasx
Il-ħaddiema tal-Bank Pilatus li mbagħad kienet dikjarata bħala l-whistleblower bl-informazzjoni li Egrant hija ta' Michelle Muscat, milli jidher telqet minn Malta u magħha ħadet lill-familja kollha tagħha. Rapport li qed jidher fuq is-sit timesofmalta.com jgħid kif dalgħodu, għal darb'oħra, reġgħet ma dehritx quddiem il-Qorti. Fl-aħħar smiegħ, il-Maġistrat Joseph Mifsud ordna li l-mara titressaq taħt arrest u tkun immultata €500 talli ma marritx il-Qorti meta kienet mgħajjta mill-istess Qorti.
L-avukat difensur sostna illi hu kien informa lill-Qorti illi ma setax jagħmel kuntatt magħha minn Ġunju, li kienet biddlet l-avukati u li kienet wiegħdet li kienet se tħallas l-avukat li kellha qabel. Xi ħaġa li m'għamlitx.
L-Ispattur Jeffrey Scicluna spjega kif fl-1 ta' Awwissu mar l-għassa biex ikun impost mandat ta' arrest, imma meta l-uffiċjali marru fil-post fejn kienet tgħix il-mara Russa, instab li la hi u lanqas familtha ma kienu hemm. Il-kerrej ikkonferma li l-familja kienet telqet għalkemm xehed illi ma kienx konxju illi se titlaq minn Malta, imma biss li kienet qed tfittex post ikbar fejn tgħix.
L-allegazzjoni kienet ippublikata fuq il-blogg ta' Daphne Caruana Galizia biż-żewġ allegazzjonijiet primarji jkunu li Egrant hija ta' Michelle Muscat u li minn din il-kumpanija fil-Panama għaddew mal-$1 miljun. Iktar tard waqt il-kampanja kien stabbilit illi il-whistleblower kienet mara Russa illi kellha diversi problemi mal-Bank li kien qed jimpjegaha, li kien ukoll qed ifittxha b'akkużi ta' frodi. Kien dan is-sit illi żvela l-ewwel dettalji dwar min kienet il-whistleblower in kwistjoni, fosthom li kienet tkeċċiet mill-Bank imsemmi f'Marzu 2016.
Mart il-PM ċaħdet bil-qawwa dawn l-allegazzjonijiet fl-ewwel u l-unika intervista li għamlet Muscat dwar dan is-suġġett mal-gazzetta ILLUM waqt il-kampanja elettorali. F'din l-intervista hija kienet sostniet illi għad trid tikteb ktieb dwar dak li sejjħet 'gideb dwari'.
Il-Qorti ordnat li l-mara tkun fuq il-lista ta' nies li qed ikunu mfittxija.