analiżi | Lejn l-ewwel Kap Għawdxi mill-Indipendenza?
Wara li l-ġimgħa l-oħra l-ILLUM tat ħarsa lejn l-ewwel diskors ta’ Adrian Delia u ta’ Alex Perici Caclscione, din il-ġimgħa se nħarsu lejn id-diskors li għamel Chris Said f’Tas-Sliema u l-ewwel kummenti li tefa’ Frank Portelli fuq il-paġna ta’ Facebook
minn Albert Gauci Cunningham
Chris Said: L-esperjenza l-ikbar ċavetta tiegħu....
Naturalment wieħed ma jistax jasal għall-konklużjoni assoluta wara li tkun smajt persuna titkellem darba biss, imma mill-aċċenn qawwi li għamel f’Tas-Sliema huwa ċar illi Chris Said, il-kandidat Għawdxi għal din l-elezzjoni, se jkun qed juża l-esperjenza bħala ċ-ċavetta ewlenija tiegħu għas-suċċess.
Meta kien qed ikellem lill-attivisti f’Tas-Sliema, Said semma’ bosta drabi l-esperjenza u l-għanijiet li laħaq bħala Segretarju Ġenerali tal-PN, kariga li okkupa għal sentejn. Said jagħmel aċċenn partikolari fuq ir-riżultat elettorali tal-PN fl-aħħar elezzjoni għal Kunsilli Lokali, fil-verità l-unika elezzjoni fl-aħħar snin illi fiha l-PN irnexxielu jagħmel kambjamenti numeriċi anke f’lokalitajiet b’maġġoranza Laburista. Said ifakkar kif bih bħala Segretarju Ġenerali kienet saret il-mira li jerġgħu jintrebħu lokalitajiet tradizzjonalment Nazzjonalisti bħall-Mosta u San Pawl il-Baħar, u din il-mira ntlaħqet. Kif intlaħqet ukoll il-mira li l-partit inaqqas id-distakk mal-Partit Laburista f’dan il-grupp ta’ lokalitajiet. Mira oħra li kient milħuqa.
Naturalment, dawn ir-rebħiet huma ta’ ftit (jew xejn) konsolazzjoni għal partit li għadu kif ġarrab telfa tant kbira, imma l-verità hija li dawn it-tragwardi milħuqin qed jintużaw minn Said biex juru li ‘he means business’. Li b’Said bħala Kap il-PN se jkun qed jikseb ir-riżultati numeriċi bżonjużi biex jegħleb id-distakk bejn iż-żewġ partiti li issa ilu prevalenti sa mill-2009.
Said jagħmel aċċenn għal dan il-ħin kollu. Tant li f’Tas-Sliema huwa jitfa’ mira ċara; l-elezzjoni tal-2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. “Ejja mmorru organizzati, bi strateġija ċara,” sostna Said li għamel minn dik l-elezzjoni fi żmien sentejn, tragward importanti li jagħti lill-PN tama bżonjuża li jista’ realment jerġa’ jegħleb lill-Partit Laburista.
Qrib in-nies; mill-festi sal-Fibromyalgia
Bħal Kandidati l-oħrajn, imma speċjalment Delia, Said jisħaq diversi drabi dwar l-importanza li l-PN jibqa’ qrib in-nies u qrib il-bżonnijiet tagħhom. Iktar minn hekk, Said kien iktar ċar u konxju ta’ kif irid li l-partit jagħmel dan. “Xi darba għamilna sforz biex nifhmu aħjar lil dawn in-nies?” staqsa dwar dawk il-mijiet, jekk mhux eluf, li huma membri, dilettanti jew saħansitra li jaħdmu mal-patafjun għaqdiet u każini tal-baned madwar il-pajjiż.
Dan juri illi Said għaraf illi l-PN jeħtieġ ikun aktar qrib dawk in-nies li jiffurmaw is-sinsla tal-villaġġi u l-irħula, fejn il-kollettiv huwa importanti tant li jaffetwa wkoll kif ħafna nies finalment jivvutaw. Dan il-kollettiv, biex nagħtu eżempju, huwa dak li l-‘Kampanja Shout-Spring Hunting Out’ fil-fatt injorat. F’bosta rħula u villaġġi fejn l-għaqdiet u l-festi jġibu lin-nies differenti flimkien kull ġimgħa, kull xahar, jew tal-inqas għal perjodu ta’ żmien kull sena jinħolqu ħbiberiji u relazzjonijiet sodi. Hawnhekk isir ħafna mid-diskors soċjali u anke politiku li jifforma l-ħsibijiet ta’ mases żgħar ta’ nies li flimkien jistgħu jgħaqqdu maġġoranza tal-poplu. Hawnhekk ikollok ‘pockets’ ta’ nies li fl-interazzjoni tagħhom qed joħolqu perċezzjonijiet jew qed jissodawhom. Jekk partit ikun maqtugħ minn din ir-realtà, ikun maqtugħ minn dawn il-perċezzjonijiet u realtajiet u allura l-aġenda tiegħu tibqa’ rilvevanti, imma maqtugħa, ’il bogħod, mhux xi ħaġa li tolqot ‘lili’.
Said dan jidher li beda jagħrfu tant, illi f’metafora interessanti Said jisħaq li “rridu swaba’ f’kull triq u kull raħal, biex il-PN ikun verament il-partit li jaf x’jixtiequ n-nies.” Said jisħaq ukoll dwar il-bżonn li ssir ħidma qawwija ħafna biex terġa’ tingħata l-ħajja lill-Kumitati Sezzjonali, xi ħaġa li għamel aċċenn għaliha wkoll Alex Perici Calascione, f’wieħed mill-10 proposti li ressaq għall-ġid tal-partit.
Said jagħmel aċċenn ukoll għall-bżonn li l-PN jiltaqa’ u jagħmel kuntatt ma’ għaqdiet diversi. Fosthom isemmi għaqdiet ta’ persuni bil-Fibromyalgia. Fil-fatt kien il-Partit Laburista li għamel aċċenn għal din il-kundizzjoni waqt il-kampanja elettorali, meta wiegħed illi Gvern Laburista se jkun qed jibda jagħti l-pensjoni tad-diżabilità lil dawk li jbatu mill-Fibromyalgia.
Said fehem kif maġġoranza hija magħmula minn ħafna interessi differenti u ma jistax ikollok maġġoranza jekk dawk l-interessi mhumiex imħarsa jew mismugħa.
Il-bżonn ta’ viżjoni biex il-PN jirbaħ
“It-telf massiċċ ta’ appoġġ mill-2003 jindika biċ-ċar li l-PN kellu s-saħħa, kellu raġuni għall-eżistenza tiegħu meta kellu missjoni għall-pajjiż. Meta kellu viżjoni li jara lil pajjiżna fuq il-mejda ma’ pajjiżi Ewropej, bl-istess saħħa, bl-istess vuċi u bl-istess drittijiet. Minn meta l-ħolma ta’ ‘Ngħidu Iva’ u mill-vot ta’ Malta Ewropea, settur kbir tal-popolazzjoni ma baqgħetx tara jew tħoss il-bżonn li tingħaqad jew tappoġġja lill-PN, għax il-kolla dabet.”
Said se jkollu jgħaqqad l-esperjenza u l-għarfien vast tiegħu ta’ kif jaħdem il-partit mal-fanfarri ta’ kampanja qawwija bi strateġija b’saħħitha
Din hija silta mill-editorjal tal-ILLUM ta’ nhar Il-Ħadd 11 ta’ Ġunju. Dakinhar u f’bosta drabi oħrajn minn dawn il-paġni kien hemm aċċenn partikolari dwar il-bżonn li l-PN ikollu viżjoni li tgħaqqdu jekk irid ikollu ċans jirbaħ. Jidher, għall-inqas mill-ewwel ftit tal-kampanja għall-Kap tal-PN, illi din hija xi ħaġa li Said fehem.
F’Tas Sliema huwa qal li l-PN jeħtieġ ikollu viżjoni biex minflok isegwi u jirreaġixxi jkun partit illi jmexxi hu, bil-poplu jimxi wara l-istess viżjoni li tħares għat-tul.
Hawnhekk Said qed iħares ’il quddiem u qed jara illi l-akbar problema tal-PN hija dik il-‘kolla’ msemmija fl-editorjal, li mingħajrha l-PN ma jistax jirbaħ. “Meta jkollna viżjoni nkunu nistgħu nerġgħu nirbħu mill-ġdid.” Minkejja li ma jgħidx x’inhi din il-viżjoni r-realizzazzjoni minnha nnifisha tal-bżonn illi l-PN jerġa’ jkollu viżjoni hija pass ’il quddiem, anke jekk hija biss l-ewwel pass. Fil-fatt, l-akbar sfida se tkun dik li l-partit joħloq viżjoni attraenti biżżejjed biex tiġbed lejha in-nies u toħloq mill-ġdid ġenerazzjoni ta’ nies li jemmnu li l-PN, jista’ jkun Gvern alternattiv.
Għal dan il-għan Said jieħu wkoll spunt interessanti dwar il-bżonn li l-PN jerġa’ jkollu madwaru klassi ta’ ħassieba minn kull qasam tal-ħajja; professjonisti, ħaddiema u bosta oħrajn. Dan juri illi Said qed iħares lejn is-suċċessi tal-PN fis-snin 80, 90 kif ukoll sas-sena 2003 meta kellu ħassieba u persuni influwenti li kienu qed jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom mat-tmexxija tal-partit, primarjament Fr. Peter Seracino Inglott.
Said jidher illi rrikonoxxa li l-agħar li jista’ jkun imdawwar bihom mexxej politiku, hu min hu, huma nies li se jbaxxu rashom dejjem u jgħidu iva dejjem.
Difiża qawwija ta’ Simon Busuttil
Minkejja dak li sejjaħna ‘endorsement’ ta’ Alex Perici Calascione, Said offra l-akbar difiża u front favur Simon Busuttil. Din taf tkun tattika ferm importanti biex f’każ ta’ tiġrija aħħarija bejnu u Adrian Delia jkun jista’ jxaqleb il-miżien ta’ dak is-settur mdaqqas ta’ tesserati, Kunsillieri u uffiċjali tal-PN li huma leali lejn Busuttil, lejh.
Fil-fatt minkejja li huwa Kap uxxenti, Busuttil għad għandu saħħa konsiderevoli fil-partit u minkejja li din il-gazzetta hija infurmata li għal xi żmien ma tantx kien hemm xi relazzjoni ottima bejn Busuttil u Said, jista’ jkun li Said xorta jibqa’ l-għażla sigura għal settur fi ħdan il-PN.
Huwa hawn li Said jaf qed jilgħab l-aktar karta importanti li tagħtih rebħa. Matul il-ġimgħa l-oħra mar fuq l-attakk bis-saħħa kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri, xi ħaġa li l-kandidati l-oħrajn m’għamlux biżżejjed b’saħħa. F’Tas-Sliema Said irrepeta għal bosta drabi l-“appoġġ sħiħ” tiegħu lejn Busuttil.
Mill-kandidati kollha huwa Said ukoll li qed jidher illi se jżomm il-battalja kontra l-korruzzjoni l-aktar ħajja, anzi hu wiegħed li bih bħala Kap “il-ġlieda kontra l-korruzzjoni se tirdoppja,” filwaqt li sostna wkoll li “huwa dmir ta’ Simon Busuttil li jkompli jiġġieled il-korruzzjoni.” Dan huwa differenti ferm mill-attitudni ta’ Delia, li għalkemm qed jitkellem dwar din il-kwistjoni, fl-ewwel konferenza tiegħu, ħareġ b’ħafna inqas forza.
Għal darb’oħra u bħal, fil-każ ta’ Calascione, s-suċċess ta’ Said se jiddependi fuq dak li qed ifittxu l-Kunsillieri u t-tesserati. Qed ifittxu li s-‘siġra’ tinqala’ mill-qiegħ u bl-għeruq? Jew li tinżabar waħda tajjeb, biss? L-ewwel xenarju jibqa’ jiffavorixxi lil Delia, wiċċ ġdid, b’kampanja qawwija u prospetti ta’ xi ħaġa differenti. It-tieni xenarju jiffavorixxi lil Said, li qed joffri kontinwità imma wkoll bidliet fuq diversi fronti, speċjalment fil-livell tal-għeruq.
Said għaraf illi l-PN jeħtieġ ikun aktar qrib dawk in-nies li jiffurmaw is-sinsla tal-villaġġi u l-irħula, fejn il-kollettiv huwa importanti tant li jaffetwa wkoll kif ħafna nies finalment jivvutaw
L-appell ta’ Said, fl-immaġini, huwa inqas minn dak ta’ Delia. Kieku kien Kunsill Ġenerali biss bil-vot ta’ 1,400 probabilment qed inħarsu lejn rebħa għal Said. B’23,000 vot tat-tesserati, Said se jkollu jgħaqqad l-esperjenza u l-għarfien vast tiegħu ta’ kif jaħdem il-partit mal-fanfarri ta’ kampanja qawwija bi strateġija b’saħħitha.
Frank Portelli; L-ewwel battuti
Frank Portelli kien għadu ma kellux attività għall-istampa meta kienet qed tinkiteb din l-analiżi u ma kienx jidher li kellu attivitajiet ppjanati. Għalhekk din il-gazzetta tat ħarsa lejn l-ewwel ħsibijiet tiegħu espressi fuq il-paġna ta’ Facebook.
Portelli, f’filmat sostna li ġurnalist partikolari m’għandux jitħalla jxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, u jekk dan jitħalla tkun qed tinkiser il-kostituzzjoni minħabba li qabel l-elezzjoni kien qal li mhux se jivvota PN. Hu ma semmiex l-isem tal-persuna li kien qed jirreferi għaliha.
Għadda kumment ukoll dwar il-fatt li l-fornitur tal-karta li fuqha tiġi stampata l-gazzetta tal-PN hija l-kumpanija Kasco, li tagħha s-sid huwa Keith Schembri. Huwa ddeskriva dan il-fatt bħala xi ħaġa ‘tal-ġenn’.
Frank Portelli qala’ ħafna kritika u ċiniżmu. Imma lil hinn minn dan wieħed jeħtieġ jara wkoll kif qed jaħsbu l-Kunsillieri u dawk li se jagħżlu. Ħafna jħossu li Frank Portelli, bħal Alex Perici Calascione, m’għandux ċans u se jinqala’ fl-ewwel vot nhar it-2 ta’ Settembru. Min jaf! Dark horse, anyone?