Paceville fil-mira tal-Gvern

  • Fil-jiem li ġejjin; Mistennija azzjoni kontra ‘tfal’ fi stabbilimenti  
  • Dokument dwar Paceville lest biex jitla’ quddiem il-kabinett

Paceville; Fl-attenzjoni mill-ġdid
Paceville; Fl-attenzjoni mill-ġdid

Wara l-aħħar inċident li seħħ f’Paceville b’attakk fuq persuna li ma tħallitx tidħol fi stabbiliment, jidher illi l-mekka tad-divertiment reġgħet tinsab fil-mira tal-Gvern, din id-darba fuq il-kwistjoni ta’ persuni li jkunu fi stabbilimenti u huma taħt l-età permessibbli bil-liġi, jiġifieri 17-il sena.

Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-Pulizija se tkun qed tħarrax il-ħidma tagħha b’mod qawwi fil-jiem li ġejjin biex ikun assigurat illi l-ebda persuna taħt l-età ta’ 17-il sena ma tkun, jew titħalla tidħol, fi stabbiliment tad-divertiment. Din il-kwistjoni ilha tbaqbaq minn sentejn ilu meta kien seħħ l-inċident fl-istabbilliment PlusOne, b’rapport ta’ inkjesta mħejji mill-Maġistrat Doreen Clarke, jiżvela kif fil-ħin tal-inċident kien hemm xejn inqas minn 34 persuna taħt l-età. 

Intant, dokument dwar is-sitwazzjoni ta’ sigurtà f’Paceville, li għalkemm konkluż baqa’ ma ttellax quddiem il-Kabinett tal-Ministri minħabba l-elezzjoni ġenerali qed jipproponi li titwaqqaf Awtorità ċentrali li tassumi responsabilitajiet tal-ħruġ tal-liċenzji tal-gwardjani privati, popolarment magħrufin bħala ‘security’ jew ‘bouncers’. 

L-ILLUM tista’ tiżvela illi f’dan id-dokument, li issa qed jistenna l-approvazzjoni tal-Ministru Micheal Farrugia qabel jittella’ quddiem il-kabinett, hemm propost fost oħrajn li din l-awtorità apparti li taċċerta illi jsir taħriġ lil kull ‘bouncer’, ikollha wkoll kull jedd illi tissospendi l-liċenzja fejn ikun hemm nuqqas ta’ tħaris tal-istandards meħtieġa stabbiliti.

Proposta awtorità li toħroġ liċenzji għall-bouncers

Dan żvelah ma’ din il-gazzetta l-Ministru Carmelo Abela, f’reazzjoni  għall-istorja li dehret fuq din il-gazzetta l-Ħadd li għadda u li fiha, Mark Grima, sid ta’ stabbiliment f’Paceville kif ukoll Philip Fenech mill-GRTU kkonfermaw li sentejn wara l-inċident ta’ PlusOne, minkejja diksussjonijiet u laqgħat kien għadu ma ġie ppreżentat l-ebda pjan dwar is-sigurtà f’Paceville. Grima saħansitra qal illi miegħu qatt ma saru laqgħat, la dwar din il-materja jew materja oħra relatata mas-sigurtà f’Paceville.

Fir-reazzjoni tiegħu iżda Abela, issa Ministru tal-Affarijiet Barranin, sostna li wara l-inċident kien stabbillit kumitat li ltaqa’ diversi drabi u li fihom ipparteċipaw l-aġenziji li jagħtu taħriġ jew jimpjegaw gwardjani privati.

Il-proposta prinċipali, spjega Abela, kienet li tinħoloq Awtorità li tassumi r-responsabbiltajiet tal-ħruġ tal-liċenzji tal-gwardjani privati u tirregolah; tirrevedi d-dispożizzjonjiet li jirrigwardaw is-servizzi tas-sigurtà privata; tassigura li l-livell ta' taħriġ li jingħata mid-diversi aġenziji jkun ta’ livell għoli u tirrevedi l-kurrikulu ta' dan it-taħriġ; tapprova l-istandards tal-imġieba, tat-taħriġ u tas-superviżjoni tal-korsijiet li jingħataw; tissorvelja t-taħriġ li jingħata lil dawk li jkunu qed jagħmlu l-korsijiet li jwasslu għall-ħruġ ta’ liċenzja u l-operat tal-aġenziji; ikollha l-poter li tissosspendi l-liċenzji fejn ikun hemm nuqqas ta’ ħarsien tal-istandards stabbiliti, kemm fit-taħriġ kif ukoll fit-twettiq tas-servizz mogħti; tagħmel rakkommandazzjonjiet dwar titjib fis-servizz tas-sigurtà privata; tagħmel rakkommandazzjonjiet lill-Ministru rigward tibdil fil-liġijiet, mhux iżjed tard minn 12-il ġimgħa wara l-għeluq tas-sena u li tippreżenta lill-Ministru rapport annwali li jkun jista’ jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Karta tal-identità u uniformi għall-bouncers/security

Abela sostna ma’ din il-gazzetta illi t-tibdil propost fid-dokument li għandu jittella’ quddiem il-kabinett, jinkludi wkoll il-ħtieġa li l-gwardjani privati jilbsu l-karti tal-identità apposta maħruġin mill-pulizija kif ukoll uniformi apposta. Dan flimkien mal-bżonn li min ikollu liċenzja jkun jaf jikkomunika, kemm bil-kitba kif ukoll bil-kliem, bil-Malti jew bl-Ingliż, żidiet fil-multi għal min jonqos li jħares ir-regolamenti tal-liġi, l-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni bejn il-kumpaniji tas-sigurtà u l-impjegati tagħhom li jkunu qed jagħmlu xogħol ta’ gwardjani u tibdil fil-kurrikulu tat-taħriġ.

Il-Ministru Abela rribatta wkoll il-kummenti ta’ Mark Grima mal-ILLUM tal-Ħadd li għadda. “Wieħed jistaqsi fejn kien qiegħed Grima waqt li l-Gvern kien għaddej b’din il-ħidma kollha f’dan il-qasam,” sostna Abela.

Skedata laqgħa bejn il-GRTU u l-Ministru Michael Farrugia

Intant din il-gazzetta tista’ tiżvela illi nhar is-16 ta’ Awwissu, l-għada ta’ Santa Marija, Philip Fenech mill-GRTU se jkun qed jiltaqa’ mal-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia. Id-diskussjoni mistennija ddur mal-kwistjoni ta’ sigurtà fil-lokalità u l-bżonn li jkun attwat pjan ħolistiku ta’ sigurtà għal din il-lokalità.

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Fenech sostna li għalkemm il-GRTU għadha ma ratx id-dokument li tlesta u li qed jistenna biex jitressaq quddiem il-Kabinett, fil-laqgħa ma’ Farrugia se jkun sostnut il-bżonn ta’ sigurtà u anke l-mod illi jitħaddmu l-persuni ta’ sigurtà. 

 

 

 

More in Politika