Nillegalizzaw l-ħaxixa? ‘Il-perikli huma akbar mill-benefiċċji’ jgħid id-Direttur tal-Caritas

Veru li t-triq għall-vizzju tad-droga tibda minn joint? Veru li l-Caritas trid tippreserva l-istatus quo? Albert Gauci Cunningham jistaqsi lid-Direttur tal-Caritas Leonid Mc Kay...

Leonid McKay, Direttur tal-Caritas
Leonid McKay, Direttur tal-Caritas

L-argument prinċipali ta’ dawk li qed jiffavorixxu l-legalizzar tal-kannabis għall-fini ta’ rikreazzjoni jfakkru li mhu vera xejn li l-użu tal-marijuana jwassal għall-użu ta’ drogi oħrajn. Mill-esperjenza tiegħek kemm tħoss li dan l-argument huwa bbażat fuq ir-realtà?

Sfortunatament sa issa d-diskussjoni ħadet xejra ftit ta’ “jew abjad jew iswed”. Ftit qed inkunu oġġettivi fil-mod kif niddiskutu dan is-suġġett. Milli qed insegwi din tal-gateway drug hija waħda minnhom. Dawk favur il-legalizzazzjoni donnu jridu jgħidu li jekk mhix gateway drug mela mhix ħażina u ma fiha ebda periklu. Dawk kontra jsostnu li l-ħaxixa awtomatikament twasslek għal drogi oħra. Inkunu żbaljati jekk ngħidu li kull min ipejjep joint ser jispiċċa addict. Iżda hu ċiniku li naqbdu u npinġu dan l-argument ta’ gateway drug bħala ħrafa. Hemm bżonn inwarrbu l-idea romantika tal-ħaxixa bħala sustanza rikreazzjonli u nibdew nitkellmu fuq sustanza li fiha riskju ta’ dipendenza, partikularment meta l-konċentrazzjoni attiva ta’ THC huwa għoli. Huwa minnu li l-maġġoranza ta’ dawk li jpejpu joint jużawha b’mod okkażjonali u b’mod personali. Biss huwa minnu wkoll li meta qed tesponi lilek nnifsek għal sustanza fejn hemm koncentrazzjoni psiko-attiva ta’ THC ir-riskju ta’ dipendenza jew ir-riskju li tfittex sustanzi oħra jiżdied.

Ippermettili nagħmel kumment fuq il-mod kif poġġejt il-mistoqsija tiegħek. Għandna diversi esperjenzi li juruna ċar li t-terminu rikreazzjonali mhux f’postu f’dan id-dibattitu. Għalija li żżewweġ sustanza bħal kannabis ma’ attività rikreazzjonali hija falza.

Hemm bżonn inwarrbu l-idea romantika tal-ħaxixa bħala sustanza rikreazzjonli u nibdew nitkellmu fuq sustanza li fiha riskju ta’ dipendenza Leonid Mc Kay

 

F’intervista mal-gazzetta ILLUM Charles Miceli jsemmi l-fattur tas-separazzjoni tas-swieq bħala benefiċċju għal-legalizzar tal-marijuana. Dan jisemma’ wkoll bħala benefiċċju f’rapporti dwar dak li seħħ fl-Olanda, (‘Coffee Shops and Compromise tal-Open Society Foundation). Ma tħossx li dan huwa fil-fatt argument li jagħmel sens?

On-paper dan huwa wieħed mill-benefiċċji (bl-ebda mod ma neskludi li hemm ukoll benefiċċji oħrajn). Fi kliem iktar sempliċi qed ngħidu li min qed jixtri jkollu inqas kuntatt mas-suq tat-triq bir-riskji u l-konsegwenzi kollha tiegħu. Biss ma nafux eżatt kif ser jirreaġixxi l-black market f’dawn iċ-ċirkostanzi. U jekk ħa ssemmi l-Olanda żgur li mhux l-aħjar eżempju. U hawn fejn il-Caritas qed targumenta li hemm aktar ħsara milli benefiċċji. Fl-Olanda, anke jekk on-paper kien hemm separazzjoni tas-swieq kiber l-użu fost l-adoloxxenti (li huma f’riskju ħafna akbar meta għaddejjin minn proċess ta’ żvillupp). Ironikament, u li jikkuntrasta bil-kbir mal-opinjoni tas-Sur Miceli ġabet ukoll interess akbar mill-black market minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tad-droga.  Dak li jista’ jidher ta’ benefiċċjju jista’ jkollu riperkussjonijiet oħra.

Hemm faxxa ta’ persuni li huma aktar vulnerabbli li għalihom il-kannabis tista’ tfisser biss ħsara Leonid McKay

U bir-rispett kollu lejn min qed juża dan l-argument. Donnu qed ngħawġu ftit u naħarbu l-argument ewlieni. Il-mistoqsija għandha tkun jekk il-konsum tagħha hux ta’ benefiċċju jew le. Drogi legali oħra, partikularment l-alkoħol, jistgħu jgħinuna nwieġbu din il-mistoqsija u x’konsegwenzi ħallew fuq il-persuna, il-familja ta’ madwaru/ha u s-soċjetà.

 Il-Caritas qed tiġi akkużata illi trid l-istatus quo għax inkella se titlef il-klijenti tagħha jekk tkun legalizzata l-marijuana. Kritika popolari fost dawk li ma jaqblux mal-pożizzjoni tiegħek fuq din il-materja. Kif tikkumenta?

Ir-realtà hi bil-kontra. Legalizzazjoni għal użu rikreazzjon li tkun qed tibgħat messaġġ liż-żgħażagħ li l-kannabis mhix xi ħaġa daqshekk perikoluża. B’hekk liġi bħal din tista’ tagħmel id-droga aktar popolari. Biżżejjed ngħid li n-numru ta’ dawk li ħabbtu l-bibien tagħna għal għajnuna minħabba l-kannabis żdied sostanzjalment bejn is-sena 2015 u l-2016. Għall-ewwel darba mill-2004 lil hawn kienu 19 fil-mija ta’ dawk li fittxew il-Caritas minħabba użu, abbuż jew dipendenza fuq il-kannabis. Il-Caritas qed targumenta li l-kultura ta’ tolleranza ġġib magħha aktar u aktar użu. Nerġa’ nsostni li mhux kull persuna li jpejjep joint ser jispiċċa dipendenti. Iżda hemm faxxa ta’ persuni li huma aktar vulnerabbli li għalihom il-kannabis tista’ tfisser biss ħsara inkluż l-adoloxxenti, persuni li huma suxxettibli għall-problemi ta’ saħħa mentali, dawk li bħalissa qed jirkupraw mill-ħajja tal-vizzji u oħrajn li jużawa bħala ħarba u li eventwalment jiżviluppaw dipendenza. Matul dawn il-ġimgħat kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ kważi l-persuni kollha li bħalissa qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni. Is-sentiment ta’ dawk li ġarrbu kien wieħed konsistenti. Il-perikli huma akbar mill-benefiċċji.

Naqsam l-esperjenza ta’ żewġ persuni li temmew b’suċċess programm ta’ reabilitazzjoni. Żewġ persuni li qatt ma missew ma’ sustanzi oħra ħlief il-ħaxixa. Jgħidu li jpejpu l-ismoke b’mod regolari kienet ħajjithom; u dak li mingħalihom kien biss rikreazzjonali spiċċa biex saret dipendenza. Wieħed minnhom qalli “kieku staqsejtni din l-stess mistoqsija sentejn ilu żgur li kont inwieġbek differenti”. “Illum naf id-differenza - meta tkun clean minnha – relazzjoni personali stabbli, ambizzjoni u motivazzjoni fuq ix-xogħol, għatx għall-hobbies u ħajja libera.

Aħna qatt ma konna favur l-status quo fejn hemm inġustizzji. Ilna nitkellmu, ħafna qabel fetaħ id-dibattitu dwar il-kannabis Leonid McKay

Min-naħa l-oħra Caritas temmen ukoll li trid issir xi ħaġa f’dan il-qasam. Aħna qatt ma konna favur l-status quo fejn hemm inġustizzji. Ilna nitkellmu, ħafna qabel fetaħ id-dibattitu dwar il-kannabis, li hawn problema serja u li teħtieġ tiġi indirizzata. Caritas tibqa’ żżomm il-pożizzjoni tagħha li persuni b’dipendenzi m’għandhomx jitqiesu bħala kriminali u għalhekk posthom huwa f’ambjent ta’ rehab, mhux inkarċerati. Ninnotaw b’sodisfazzjoni li sar titjib minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi Drug Dependance Act ta’ sentejn ilu u l-mod kif bdew jigu ttrattati b’mod aktar uman u bilanċjat dawn il-persuni. Wieħed għandu jikkonsidra li wara li nevalwaw din il-liġi u ntejbuha, nikkunsidraw li nagħtu deskrizzjoni aktar wiesgħa lil min qiegħed jiġġudika dawn il-każijiet delikati. Inkomplu nitkellmu dwar dekriminalizzazzjoni flok legalizazzjoni.  

Il-Caritas kif mistennija tagħti s-sehem tagħha f’din id-diskussjoni, li għaddejja u li mistennija tibqa’ għaddejja sakemm tasal il-Parlament?

Caritas li tibqa’ kommessa favur id-dekriminalizzazzjoni ser tipparteċipa attivament fid-diskussjoni u fi żmien opportun tippubblika wkoll il-position paper studjata bil-kontribuzzjoni ta’ professjonisti minn kampi differenti ħalli tikkontribwixxi biex tittieħed deċiżjoni infurmata. Nagħlaq bħalma ftaħt. Jekk irridu diskussjoni oġġettiva rridu l-ewwel u qabel kollox nammettu l-bżonn li jiġi diskuss dan is-suġġett b’mod ħolistiku flok jintefa’ taħt it-tapit. U rridu wkoll nammettu li leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward fih kemm benefiċċji kif ukoll perikli. Il-mistoqsija dejjem għandha tkun aħna fl-aħħar mil-aħħar x’soċjetà rridu!   

 

 

 

More in Politika