Pressjoni interna biex l-Eżekuttiv tal-PN jiltaqa' wara l-allegazzjonijiet kontra Delia

... għadha mhux ikkonfermata informazzjoni li l-Kummissjoni li tgħarbel il-kandidati tal-PN se tiltaqa' ilejla

Pressjoni fil-PN biex 'issir xi ħaġa' fuq Delia
Pressjoni fil-PN biex 'issir xi ħaġa' fuq Delia

Dan is-sit jinsab infurmat illi matul il-jum intensifikat il-pressjoni minn persuni għolja u influwenti fil-Partit Nazzjonalista biex il-partit 'jagħmel xi ħaġa' fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta' Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta' Adrian Delia. Sorsi mill-PN li tkellmu mal-illum.com.mt qalu illi minn diversi kwartieri fi ħdan il-PN qed issir pressjoni biex saħansitra jiltaqa' l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u jiddiskuti l-kandidatura ta' Delia, li bħalissa tinsab taħt dell u suspett ikrah ta' allegazzjoni ta' movimenti ta' flus f'kont ta' Delia stess. Daphne Caruana Galizia qed tallega li l-flus li għaddew mill-kont ta' Delia f'Jersey kienu saħansitra ġejjin minn qliegħ magħmul mill-prostituzzjoni

Intant, sorsi differenti li tkellmu ma' dan is-sit qalu wkoll illi fil-ħinijiet li ġejjin mistennija tiltaqa' il-Kummissjoni li tieħu ħsieb tgħarbel lill-kanididati tal-PN. Minkejja dan, mistoqsi minn dan is-sit jikkonfermax din il-laqgħa, Kelliem tal-PN irrefera l-mistoqsijiet tagħna lill-Kummissjoni. Ftit tal-ħin wara dan is-sit għamel kuntatt mal-eks Ministru Joe Borg, li jmexxi tali kummissjoni. Qabel biss staqsejna l-mistoqsija qalilna li kien jinsab f'laqgħa u talabna inċemplu 'aktar tard'. 

Dawk li tkellmu ma' dan is-sit qalu li minkejja din il-pressjoni, f'dan il-mument ftit jista' jagħmel il-partit. "L-għarbiel missu sar qabel, mela issa? Aħna nagħmlu għarbiel lill-kandidati tal-kunsilli u m'għamilniex ta' persuna li tista tkun Kap tal-PN, Kap tal-Oppożizzjoni u forsi Prim Ministru?" jistaqsi sors partikolari. 

Fil-fatt kien ħaddiem u l-ġurnalist veteran tal-PN, Dione Borg li oriġinarjament talab li jsir tali għarbiel. proposta li kienu qablu magħha kemm Chris Said kif ukoll Adrian Delia. Minkejja li dan ma sarx kemm Said kif ukoll Alex Perici Calacione għamlu dikjarazzjoni tal-assi tagħhom. Delia qal li ma jridx jagħmel dan qabel l-elezzjoni għal Kap ġdid iżda sostna li lest li jneħħi kull rabta li għandu man-negozji jew investimenti jekk ikun elett Kap tal-PN. 

Intant f'reazzjoni l-PN qal li l-Kummissjoni Elettorali bħalissa qed tiltaqa' biex tevalwa l-proċess tal-għażla tal-Kap il-ġdid. Kien ippreċiżat ukoll illi l-Kummisjoni li jmexxi l-eks Ministru Joe Borg ma baqgħetx topera hekk kif xoljiet wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. 

More in Politika