Delia u Perici Calascione lejn Għawdex... fil-mira, in-nies 'ta' Giovanna'

Il-kampanja għal Kap tal-PN tkompli f'Għawdex, bil-mira tkun il-vot tal-Kunsillieri u attivisti "ta' Giovanna" li mhux se jivvutaw lil Said...

Perici Calascione u Delia fl-aħħar sforz f'Għawdex fil-jumejn li ġejjin
Perici Calascione u Delia fl-aħħar sforz f'Għawdex fil-jumejn li ġejjin

Ġimgħa qabel il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jibdew jivvutaw biex jeliminaw tnejn, mill-erba' kandidati, għall-kariga tal-PN Alex Perici Calascione u Adrian Delia se jkunu qed iqattgħu tmiem il-ġimgħa f'Għawdex, fejn b'kollox hemm 107 Kunsillier eleġibbli biex jivvutaw. 

Persuni li tkellmu ma' dan is-sit sostnew illi il-kunsillieri u anke tesserati tal-partit kienu qed jirċievu telefonati matul l-aħħar siegħat biex imorru jiltaqgħu ma' Delia kif ukoll ma' Perici Calascione. Dan it-tmiem il-ġimgħa ssir il-festa ferm popolari, speċjalment maż-żgħażagħ Għawdxin, f'Għajnsielem u ż-żewġ kandidati, flimkien ma' Said li huwa Għawdxi, mistennijin jużaw din il-festa li għaliha jattendu mijiet biex jagħmlu preżenza. 

Imma iktar mill-festa ż-żewġ kandidati għandhom mira iktar ċara, dik li jattiraw lejhom il-maġġoranza ta' dawk il-Kunsillieri u tesserati li kienu sostenituri tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono. Huwa mifhum illi minn dawn ftit li xejn hemm voti li se jkunu qed imorru għand il-kandidat Chris Said. Sors mill-PN li tkellem ma' dan is-sit qal illi kollox qed jindika li fost dan il-grupp, ħafna huma dawk li qed jiffavorixxu u jagħmlu pubbliku l-fatt li qed jagħtu appoġġ lil Delia. 

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif id-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin David Stellini u Marthese Portelli qed jappoġġjaw lil Said, tant li Stellini diġa għamilha ċara li f'każ ta' bżonn ta' co-option biex jidħol fil-Parlament Adrian Delia hu mhux se jċedi is-siġġu (Stellini tela' b'elezzjoni każwali). 

L-aħħar li kien Għawdex Delia, kien hemm ukoll id-Deputati Clyde Puli u Kristy Debono, li qed jappoġġjaw lil Delia.

More in Politika