Delia f’battalja biex isalva sa wara l-Ħadd li ġej
Taqtigħa ħarxa għat-tieni post f’sitwazzjoni straordinarja li taf tara lil Delia mqaċċat mit-tiġrija
minn Albert Gauci Cunningham
Fost is-sostenituri u dawk qrib Adrian Delia, bħalissa hemm sens ta’ tħassib qawwi jekk mhux biża’ hekk kif jidher li dak żvelat minn Daphne Caruana Galizia din il-ġimgħa, xellef sew il-fiduċja fil-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN fost il-Kunsilliera, bil-periklu issa reali li dan lanqas biss jgħaddi għat-tieni fażi tal-elezzjoni.
Il-biża’ iżda inbidlet f’paniku hekk kif ilbieraħ kien imħabbar kif il-Kunsill Amministrattiv tal-PN se jkun qed jiltaqa’ nhar it-Tnejn, “biex jiġi diskuss u deċiż x’passi għandhom jittieħdu” fil-konfront ta’ Delia. Din il-laqgħa mitluba minn Kunsillier tal-PN stess, tefgħet lill-Partit f’inċertezza kbira.
kelliem tal-PN jgħid li għadu kmieni biex nitkellmu dwar jekk Delia hux fil-periklu li jitqaċċat mit-tiġrija
Din il-gazzetta staqsiet lill-Kelliem tal-PN jekk l-eżitu ta’ din il-laqgħa jfissirx li hemm il-possibbilità li Adrian Delia jkun sfurzat jirtira l-kandidatura tiegħu ħamest ijiem biss qabel tibda l-votazzjoni. Il-kelliem sostna li għadu kmieni wisq biex wieħed jitkellem dwar l-eżitu tal-istess laqgħa.
Alex Perici Calascione li huwa membru tal-istess Kunsill Amministrattiv, bagħat jinforma lill-President tal-istess Kunsill, Karol Aquilina li mhux se jkun qed jattendi minħabba kunflitt ta’ interess.
Intant, waqt konferenza fil-każin tal-PN ta’ Birkirkara lbieraħ filgħaxija, Delia rrabjat sostna li din hija “l-aktar kampanja elettorali maħmuġa u vendikattiva li qatt esperjenzajt f’ħajti.”
Mill-PN ikkonfermaw mal-ILLUM li l-iżvelar ta’ kont bankarju f’Jersey f’isem Delia, li allegatament qed jintuża biex minnu jgħaddi qligħ minn prostituzzjoni għamlet biżżejjed ħsara biex Delia tilef l-appoġġ maġġoritarju tal-Kunsilliera f’lokalitajiet fejn huwa b’saħħtu, u iktar minn hekk, biddlet b’mod drastiku l-aspettativa għar-riżultat. Il-persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li hemm sensazzjoni li qed titqawwa li Alex Perici Calascione għandu ċans kbir li saħansitra jaqlibha lil Delia biex ikun hu, flimkien ma’ Chris Said, li jagħmilha sat-tieni fażi. Xenarju li sal-bidu tal-kampanja kien meqjus minn ħafna bħala ‘improbabbli’ però li huwa x-xenarju l-aktar li xtaqet it-tmexxija preżenti tal-PN.
Dawk li tkellmu mal-ILLUM, qalu li s-sens fost uħud mis-sostenituri ta’ Delia li tkellmu magħhom huwa li ‘din hija battalja mitlufa’, anke jekk fil-fatt, l-istess Delia għadu popolari fost it-tesserati u l-għeruq. It-tama ta’ dawk li qed jappoġġjaw lil Delia hija li dan jirnexxielu jgħaddi għat-tieni fażi. Jekk biżżejjed kunsilliera jappoġġjawh biex jgħaddi għat-tieni rawnd, iċ-ċansijiet tiegħu li jirbaħ din l-elezzjoni jikbru sew.
Intant jidher li s’issa Chris Said għadu fuq quddiem u kważi garantit li nhar il-Ħadd jgħaddi għat-tieni fażi. Alex Perici Calascione għandu l-appoġġ ta’ Simon Busuttil u dawk kollha qrib tiegħu, kif ukoll tal-viċi kap uxxenti Beppe Fenech Adami.
Minkejja li Delia jaf ma jgħaddix mal-ewwel vot tal-kunsilliera nhar is-Sibt, xorta jifdallu tieqa oħra ta’ opportunità li tista’ twasslu għall-ġudizzju tat-tesserati. Fil-fatt, f’każ li t-tielet kandidat mill-erba’ jiddeċiedi li ma jixtieqx jirtira mit-tiġrija wara l-vot tas-Sibt u l-voti tat-tielet u r-raba’ kandidat jiżbqu dak tat-tieni, terġa’ ssir elezzjoni oħra l-għada l-Ħadd biex ikun eliminat it-tielet kandidat. Fil-fatt, il-kunsilliera tal-PN ingħataw żewġ voti, wieħed għas-Sibt u l-ieħor għall-Ħadd, għal dak li jista’ jinqala’.
Dan ifisser li jekk Delia ma jgħaddix mill-ewwel votazzjoni għax ikun qabżu Perici Calscione, dan xorta se jkollu ċans fit-tieni elezzjoni nhar il-Ħadd jekk jirnexxielu jġib il-voti kollha (jew maġġoranza qawwija) li jkun kiseb ir-raba’ kandidat, speċjalment jekk dan ikun Frank Portelli. Fl-aħħar jiem, deher ċar li bejn Portelli u Delia hemm tip ta’ alleanza ta’ ħsieb u għan, b’Portelli jkun l-uniku kandidat li wera solidarjetà ma’ Delia wara l-allegazzjonijiet minn Daphne Caruana Galizia.
Schiavone: ‘Hemm persuna lesta biex iċċedi s-siġġu għal Delia...imma mhux jien’
Intant, din il-gazzetta għamlet kuntatt mad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone li nhar il-Ħamis deher ma’ Delia ħdejn il-Qorti meta mar jippreżenta libell kontra Caruana Galizia. Din il-gazzetta staqsietu xi rwol qed jilgħab fil-kampanja ta’ Delia u jekk hux hu d-deputat li mistenni jċedi s-siġġu għal Delia.
Schiavone kkonferma li huwa parti mit-tim ta’ Delia, għalkemm ċaħad li hemm xi forma ta’ ftehim biex hu jċedi postu fil-Parlament. Għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta iżda dwar min se jkun qed jagħmel tajjeb għal Delia, jekk dan jirnexxielu jegħleb il-kurrenti qawwijin kontrih u jirbaħ, Schiavone qal li hemm pjan, maqbul ma’ persuna, li jiskatta kemm-il darba jirbaħ Delia. Mistoqsi min huwa dan id-deputat, Schiavone ma weġibx.
Apparti Schiavone nnifsu, id-Deputati Parlamentari li qed jimbuttaw lil Delia huma Kristy Debono, Jean Pierre Debono u Clyde Puli. Bosta Deputati oħrajn mhumiex qed jgħidu lil min se jkunu qed jappoġġjaw.
Chris Said jidher li għalissa m’għandux wisq problemi u li se jgħaddi għat-tieni rawnd mingħajr wisq tbatija żejda. L-għadma iebsa għal Said tkun fit-tieni fażi li se ssir bejn is-16 u 17 ta’ Settembru, speċjalment jekk ikollu jħabbatha ma’ Delia.
Matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-kunsillier tal-PN Charlot Cassar talab lill-Kummissjoni tal-Amministrattiv tal-PN biex jiltaqa’ b’urġenza u jiddeċiedi dwar il-każ ta’ Delia. Cassar talab li jittieħdu l-passi xierqa fil-konfront ta’ Adrian Delia.