'Għandi r-rieda li mmexxi b’serjetà u b’sens qawwi ta’ responsabbiltà’

Kienu jgħidu li ma kellux ċans, imma jidher li jista’ jkun il-kandidat sorpriża. Jidher li t-tmexxija tal-PN warajh, imma se jirbaħ? Albert Gauci Cunningham jintervista lil Alex Perici Calascione dwar diversi temi politiċi u soċjali ftit jiem qabel ma jivvutaw il-kunsilliera tal-PN

Alex Perici Calscione
Alex Perici Calscione

Int Demokristjan, Kapitalist jew Soċjalist? Jew ftit minn kollox?

Jiena membru tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk nemmen li l-persuna għandha tkun fiċ-ċentru tal-politika u nemmen fl-iżvilupp demokratiku tan-nazzjon, mibni fuq ix-xogħol, il-ġustizzja, il-libertà u spirat mill-valuri demokratiċi Kristjani. Dawn il-valuri għandhom applikazzjoni universali, u għalhekk huma tajbin biex jitħaddmu minn partit politiku għal kulħadd, mingħajr diskrimazzjoni ta’ ebda tip.

Il-progress iġib ir-rigress. Il-fatt li l-kostruzzjoni għaddejja minn boom ifisser li għaddej żvilupp f’ħafna postijiet. X’kontrolli taħseb li għandhom isiru lil hinn minn dawk li hemm bħalissa? Taqbel mal-kunċett ta’ moratorju fuq kull żvilupp f’ċerti żoni?

Il-progress igib rigress jekk jitħalla jkun progress bla rażan, bla skrupli u b’nuqqas assolut ta’ attenzjoni jew rispett għall-bqija tas-soċjetà. Il-progress iġib rigress jekk l-importanza ta’ kontrolli xierqa, imqar xi kultant minimi, tiġi skartata minħabba l-eżiġenza tal-qadi. Il-progress iġib rigress jekk iċ-ċittadin komuni jiġi trattat bħala ċittadin tat-tieni klassi fil-konfront ma’ dawk li bl-iskuża tal-progress, jgħaffgu lil kollox u lil kulħadd. Naqbel għalhekk ma’ kull inizjattiva raġunata u infurzabbli li tħalli l-progress għaddej fil-limiti tas-sostenibbiltà, diċenza u rispett.

Il-progress iġib rigress jekk jitħalla jkun progress bla rażan, bla skrupli u b’nuqqas assolut ta’ attenzjoni... Alex Perici Calascione

Il-kirjiet privati splodew għax splodiet id-domanda. Tini tliet soluzzjonijiet li taħseb li huma ġusti għall-kerrej u għas-sid.

Naħseb verament li dak li hu meħtieġ, mhumiex tliet soluzzjonijiet ta’ malajr, ukoll għax hawn qegħdin nitkellmu fuq sitwazzjoni li qed tweġġa’ u tħasseb lil ħafna. Hemm bżonn li l-impatt sħiħ tal-għoli qawwi fil-kirjiet, jiġi studjat sew partikolarment fuq familji, koppji ġodda u pensjonanti. Hemm bzonn li dawk is-saffi kollha tas-soċjetà fejn it-tajjeb tat-tkabbir ekonomiku mhux qed jinżel imma li qed iħossu l-piż tal-effetti l-oħra ta’ dan it-tkabbir, jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa. Dan għandu jsir mingħajr ma wieħed jintervjeni wisq fuq il-libertà ta’ sid li jitlob hu dik il-kera li s-suq jindika li jista’ jitlob.

F’lukanda, hemm grupp ta’ 10 cleaners, grupp ta’ 4 jitħallas €5.20 fis-siegħa għax fuq il-kotba tal-lukanda, grupp ta’ sitta jitħallas €4.80 għax fuq il-kotba tal-kuntrattur. Il-kunċett tal-Equal Pay for Equal work qed jiġi vjolat, imma mhux qed tinkiser il-liġi għax l-impjegatur huwa differenti. Kieku qatt issir PM int x’tagħmel?  

Il-kunċett ta’ Equal Pay for Equal Work huwa wieħed li jien sinċerament nistenna li l-partiti politici kollha jaqblu fuqu, partikolarment min minn dejjem kien isemmi li hu l-partit tal-ħaddiema. L-inġustizzja ta’ din is-sitwazzjoni tmur lil hinn minn kull argument legalistiku. Hawn qed nitkellmu fuq ħaddiema li jbatu biex ilaħħqu mal-ħajja u mhux fuq dawk is-sidien ta’ proprjetajiet li ssemmew fil-mistoqsija ta’ qabel din. Jinħtieġ li l-forzi politici kollha flimkien mal-għaqdiet ta’ min iħaddem u tat-trade unions jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex titneħħa din id-diskriminazzjoni b’mod serju, raġunat u sostenibbli.

Hemm bzonn li dawk is-saffi kollha tas-soċjetà fejn it-tajjeb tat-tkabbir ekonomiku mhux qed jinżel imma li qed iħossu l-piż tal-effetti l-oħra ta’ dan it-tkabbir, jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa Alex Perici Calascione

Marijuana għal skopijiet rikreattivi. Nillegalizzaw jew le?

Nistqarr qabel xejn li żgur ma naħsibx li din hija l-iktar kwistjoni urġenti jew importanti li għandna niddiskutu f’dal-mument f’dal-pajjiz. Bħal kull kwistjoni simili oħra, hu assolutament importanti li l-Gvern ma jagħmilx minn dil-kwistjoni xi ballun politiku li bih jipprova jagħti gambetta lill-Oppożizzjoni. Jekk dan isir, mhux lill-Oppożizzjoni jkun qed jipprova jagħti gambetta, imma lill-istess uliedna. Mela l-ewwel u qabel kollox, irid ikun hemm attenzjoni u serjetà. Jeħtieġ li jkun hemm diskussjoni wiesgħa nkluż bl-involviment ta’ dawk li jaħdmu mal-vittmi tad-droga u tal-familji taghhom u ma dawk involuti fil-ġlieda kontra d-droga. Filwaqt li ninsisti li jkun hemm din id-diskussjoni wiesgħa, ma nista’ naqbel qatt fuq kull ħaġa, tkun li tkun, li tqiegħed lil uliedna f’riskju.

Tkun elett Kap tal-PN. Kumpanija kbira, ta’ ċerta livell u track record mill-aqwa tavviċinak u toffrilek li jekk tkun elett Prim Ministru l-istess kumpanija lesta li tibni proġett ta’ trasport taħt l-art. Jitolbu iżda li jkollhom monopolju u jingħataw sussidju li jkopri parti mill-ispiża. Fil-qasir, a done deal minn qabel l-elezzjoni. Int x’tagħmel?   

Jidher ċar minn dak li rajna u b’dak kollu li nkixef f’dawn l-aħħar snin li l-espert fid-done deals pre-elettorali huwa fil-fatt Dottor Muscat. Għalhekk done deals bħal dawn, qatt ma jkunu parti mill-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.

Joseph Muscat: intelliġenti, makkjavelljan u ċertament ukoll kemxejn fortunat Alex Perici Calascione

Jidher li ħafna mit-tmexxija uxxenti (Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami...) qed jappoġġjaw lilek. Lil hinn mill-partit ftit jemmnu li int se tagħmilha għat-tieni round. Temmen li kapaċi tegħleb l-esperjenza ta’ Said u n-novità ta’ Delia? Jekk iva, kif?

Filwaqt li nirringrazzjak għall-vot ta’ fiduċja li joħroġ minn dil-mistoqsija. Jiena nista’ biss nipprezenta ruħi bil-preġji u n-nuqqsijiet li għandi, li huma magħrufin mal-Kunsilliera tagħna, frott il-ħidma tiegħi fil-Partit f’dawn is-snin. Ma’ dawn inżid il-lealtà li jiena wrejt minn dejjem; id-determinazzjoni li nkompli nagħti ħilti u l-enerġiji kollha tiegħi lejn il-Partit u lejn il-pajjiż, u r-rieda li mmexxi ’l quddiem b’deċiżjoni, b’serjetà u b’sens qawwi ta’ responsabbiltà.

Tini tliet aġġettivi li jiddeskrivu lil Joseph Muscat u tliet aġġettivi li jiddeskrivu lil Simon Busuttil

Joseph Muscat: intelliġenti, makkjavelljan u ċertament ukoll kemxejn fortunat

Simon Busuttil: konsistenti, serju u onest

More in Politika