Michael Briguglio: 'Simon Busuttil jibqa' l-Kap ideali għall-Partit Nazzjonalista'

Michael Briguglio, jgħid li fid-dawl tal-kontestazzjoni preżenti qed jiżdiedu l-vuċijiet ta' dawk li jridu lil Simon Busuttil jibqa' jmexxi lill-PN...

Simon Busuttil u l-partner tiegħu Kristina Chetcuti | Ritratt Marc Edward Pace Portanier
Simon Busuttil u l-partner tiegħu Kristina Chetcuti | Ritratt Marc Edward Pace Portanier

It-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN jidher li tant qed tiddeludi lil tant Nazzjonalisti li qed jiżdiedu l-vuċijiet ta' dawk li jixtiequ li Simon Busuttil jibqa' Kap, anke jekk fil-fatt qegħdin f'nofs kampanja għal Kap ġdid. Kampanja li bħalissa tinsab f'limbu totali hekk kif għadu mhux magħruf x'se jiġri bil-kandidatura ta' Adrian Delia

Fost dawk li esprimew il-fehma li Busuttil jibqa' kienu bosta attivisti Nazzjonalisti li kitbu taħt messaġġ li Michael Briguglio ħalla fuq il-paġna tiegħu illi fih esprima l-intenzjoni li jibda jaħdem fil-PN u li fih faħħar lill-istess Busuttil.

Dan is-sit għamel kuntatt ma' Briguglio, wiċċ familjari ħafna fil-kampanja tal-Forza Nazzjonali  u staqsietu jekk jaqbilx li fid-dawl tas-sitwazzjoni mwiegħra u fl-eventwalità, anke jekk "improbabbli" skont Karol Aquilina,  li l-elezzjoni tkun ikkanċellata Simon Busuttil għandux iżomm postu. Briguglio spjega kif minkejja li jifhem illi Busuttil ma kellux għażla oħra ħlief li jirreżenja hekk kif kien iffaċċjat bir-riżultat li kiseb il-PN, hu ddeskrivieh bħala "l-Kap ideali tal-PN u iva jekk il-PN jiddeċiedi li jipposponi l-elezzjoni minħabba s-sitwazzjoni preżenti, mela allura  nemmen iva li għandu jkun Simon Busuttil li jkun maħtur Kap interim sakemm jintagħżel xi ħadd ieħor."

Busuttil kiber fl-istatura speċjalment fl-aħħar kampanja elettorali...sar jirrapreżenta dak kollu li nies bħali jemmnu Michael Briguglio

Briguglio ikkonferma ma' dan is-sit li huma ħafna dawk fl-għeruq tal-PN illi qed iħossu, speċjalment issa li qed jaraw kif qed tiżviluppa t-tiġrija għal Kap tal-PN, li fil-fatt Busuttil għandu jibqa' Kap tal-PN sal-elezzjoni li jmiss. Mistoqsi jekk jaqbilx ma' din il-linja ta' ħsieb Briguglio fakkar li minkejja li għal bidu Busuttil kien ikkritikat, "kiber fl-istatura speċjalment fl-aħħar kampanja elettorali. Naturalment żbalji saru, saret wisq emfasi fuq il-kwistjoni Egrant inħoss jien. Imma xorta, Busuttil kiber u sar jirrapreżenta dak kollu li nies bħali jemmnu, għalhekk dħalt fil-PN jien minħabba Simon Busuttil." 

"Nittama," temm jgħid Briguglio, "illi għall-inqas Busuttil jibqa' attiv ħafna fil-Partit Nazzjonalista." 

Minkejja li Simon Busuttil kien għamilha ċara li hu mhux se jkun qed jerġa jitfa' ismu għat-tiġrija ta' Kap ġdid tal-PN, baqgħu bosta dubji dwar jekk Busuttil fil-fatt kienx se jirreżenja jew le. Il-gazzetta ILLUM kienet irrapurtat li Busuttil minkejja li deċiż li ma jibqax Kap tal-PN kien lest idawwar ħsiebu jekk l-ezitu tal-inkjesta Egrant issib  li Michelle Muscat fil-fatt kienet il-proprjetarja tal-istess kumpanija fil-Panama

Il-gazzetta ILLUM kienet fakkret kif ir-rebbieħ fil-kontestazzjoni li għaddejja bħalissa jeħtieġ jikseb 66.6% tal-voti tat-tesserati, jew ftit iktar minn 15,000 vot. Jekk dan in-numru ma jintlaħaqx, ikollu jerġa jinfetaħ il-proċess kollu billi jerġgħu jinfetħu in-nomini. 

Briguglio fuq il-lemin, Busuttil u l-eks kap tal-PD Marlene Farrugia, warajha Anthony Buttigieg (kandidat tmexxija PD) f'dimostrazzjoni kontra l-korruzzjoni tal-Forza Nazzjonali
Briguglio fuq il-lemin, Busuttil u l-eks kap tal-PD Marlene Farrugia, warajha Anthony Buttigieg (kandidat tmexxija PD) f'dimostrazzjoni kontra l-korruzzjoni tal-Forza Nazzjonali

Bħalissa il-proċess tal-elezzjoni li ser issir nhar is-Sibt jinsab f'limbu hekk kif il-PN qed jistenna rakkomandazzjonijiet minn Kumitat dwar l-Etika illi se jippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill Amminstrattiv tal-PN biex jieħu "passi xierqa" fil-konfront tal-każ Delia. Hemm ċans għalhekk, għalkemm xejn għadu mhu ċar, li l-elezzjoni tkun posposta jew inkella li l-kandidatura ta' Delia tkun irtirata. 

More in Politika