Proġett ta' sentejn li se jbiddel wiċċ l-iskola tal-Imsida

  • 300 student se jgawdu minn skola "ġdida" b'faċilitajiet ġodda u teknoloġija avvanzata
  • Il-proġett se jdum sentejn...bl-istudenti jiċċaqilqu lejn Santa Venera

Dehra ta' kif se tkun tidher l-iskola tal-0Imsida wara investiment qawwi li jsir fiha
Dehra ta' kif se tkun tidher l-iskola tal-0Imsida wara investiment qawwi li jsir fiha

Fil-jiem li ġejjin se jkun qed jibda x-xogħol fuq proġett illi mistenni jbiddel wiċċ l-iskola tal-Imsida, skola li bħalissa tinsab fi stat pjuttost ħażin. L-iskola, parti mill-kulleġġ Santa Tereża,  mistennija tesperjenza bidla totali b’partijiet mibnijin mill-ġdid kif ukoll b’żieda ta’ faċilitajiet li se jtejbu l-livell tal-iskola b’mod notevoli.

Ftit tal-ħin ilu huwa mifhim li l-Ministeru u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) kellhom laqgħa mal-ġenituri tal-istudenti illi fiha infurmawhom dwar il-fatt li sakemm ikun għaddej dan il-proġett, l-iskola se tkun qed timxi lejn Santa Venera.

Fil-fatt fis-sentejn li se jdum għaddej ix-xogħol il-madwar 300 student se jkunu qed jingħataw trasport b’superviżjoni b’xejn lejn parti mill-iskola ta’ Santa Venera illi mhix qed tintuża bħalissa. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed iserraħ ras il-ġenituri illi l-istudenti se jkunu jistgħu igawdu mill-istess faċilitajiet li jgawdu issa u saħansitra se jiżdiedu numru ta’ servizzi oħrajn.

Il-proġett, li se jiswa mat-€3 miljuni, se jinkludi l-bini ta’ blokka ġdida tal-iskola fejn hemm is-sala illum, sala ġdida multi-purpose, grawnd ġdid, it-tqegħid ta’arja ikkundizzjonata madwar il-bini, sistemi ta’ insulazzjoni, ċentru ta’ child care, parkeġġ u librerija.

L-iskola se tkun qed terġa tiftaħ il-bibien tagħha f'Settembru 2019. 

L-għalliema wkoll se jkollhom sehem fil-proġett billi se tkun qed issir konsultazzjoni wiesa’ magħhom dwar il-klassijiet u l-mod kif dawn ikunu mqassmin biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-istudenti.

Dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti ta’ investiment li qed isir fl-iskejjel bħalissa, bi skejjel ġodda skedati li jiftħu f’Wied il-Għajn u fil-Qawra sal-2019.  

More in Politika