Il-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia issa se jmur quddiem il-Prim Imħallef biex jagħżel Maġistrat ieħor li se jmexxi l-investigazzjoni hekk kif li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera se tastjeni mill-każ wara rikors mill-familja Caruana Galizia. Il-familja sostniet li ma temminx li l-Maġistrat in kwistjoni tista' tmexxi b'serjetà din l-investigazzjoni, fid-dawl tal-fatt li hija kienet is-suġġett ta' Caruana Galizia divesri drabi.
L-avukati tal-familja huma Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina.
Intant fi stqarrija il-PN qal li pajjiżna qatt ma kellu jasal f’dan il-punt, "fejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, fosthom il-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati, huma kollha mnawwrin. Dan hu r-riżultat tat-tmexxija f’pajjiżna matul l-aħħar ħames snin. Il-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna li ssir ġustizzja."
Intant il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ wassal is-sogħba tiegħu għall-mewt tal-ġurnalista u blogger, Daphne Caruana Galizia.
"Dak li ġara ma’ kienx biss omiċidju fuq il-persuna u l-familja tas-Sinjura Caruana Galizia, iżda serva ukoll bħala attakk terroristiku kontra s-soċjetà u kontra d-demokrazija f'pajjiżna. Dan l-omiċidju kien attakk dirett kontra d-dritt ta’ espressjoni ta' kull wieħed u waħda minna. L-ebda ġurnalist jew kwalunkwe ċittadin ieħor m’għandu jinqatel għal dak li jemmen fih," temmet tgħid l-istqarrija tal-KNŻ.