Il-familja Caruana Galizia trid li s-smigħ tal-libell ta' Cardona jkompli

Matthew Caruana Galizia saħaq li l-Ministru Cardona għandu interess li s-smigħ ma jkomplix

It-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia qal li l-familja tal-ġurnalista trid li l-każ tal-libell tal-Ministru Chris Cardona jkompli jinstema’ fil-Qorti.

Matthew Caruana Galizia flimkien ma’ missieru u ħutu kien preżenti fl-awla tal-Qorti meta l-Maġistrat Francesco Depasquale kompla bis-smigħ tal-każ.

Il-Maġistrat għadda l-kondoljanzi lill-familja Caruana Galizia hekk kif l-awla ġiet infurmata li l-ġurnalista mietet b’karozza bomba l-ġimgħa li għaddiet.

Fil-Qorti, Matthew Caruana Galizia saħaq li jrid li l-każ ikompli u li l-Ministru Cardona għandu interess li s-smigħ ma jkomplix.

Kienet l-ILLUM li żvelat kif t-tfal ta' Daphne Caruana Galizia lesti jidħlu 'fiż-żarbun' ta' ommhom f'każ li l-libelli li għaddejjin bħalissa, jew li huma pendenti u li infetħu minn Ministri tal-Gvern ma jitwaqqgħux. 

Il-każ se jkompli f’Diċembru li ġej.

More in Politika