[Aġġornata] Iktar każini tal-PN għall-bejgħ; Taż-Żejtun u n-Naxxar jingħaqdu ma' oħrajn
Is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tieni l-akbar partit f'Malta tibqa' pjuttost mwiegħra...
More in Politika
Is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tieni l-akbar partit f'Malta tibqa' pjuttost mwiegħra...
Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista tibqa' waħda pjuttost mwiegħra tant li l-partit se jkompli bil-proċess li jbiegħ aktar każini. Wara li nhar il-Ħadd li għadda il-ġurnal tal-Partit Laburista żvela li l-PN se jbiegħ il-każini ta' Fluer De Lys (Dar il-Ħaddiem) u ieħor ta' Ħal Għaxaq (Dar il-Għaqda), illum il-gazzetta Maltatoday żvelat kif l-istess partit se jkun qed ibiegħ żewġ każini oħra, jiġifieri dak tan-Naxxar u taż-Żejtun. Dan ifisser li l-pjan s'issa huwa għall-bejgħ ta' erba' każini.
F'dak tan-Naxxar diġa bdew xi xogħolijiet infrastrutturali fil-fatt qabel ma jsir il-bejgħ.
Dan huwa parti minn proċess ta' ristutturar li għaddej fil-PN, hekk kif l-aħħar rapporti jgħidu illi l-partit għandu dejn li jlaħħaq il-madwar €25 miljun. Għalkemm kelliem għal Delia qed jiċħad l-akkuża li hu għamel xi forma ta' wegħda li mhux se jbigħ il-każini tal-PN, qabel l-elezzjoni fil-fatt il-kandidat l-ieħor għat-tmexxija tal-PN Chris Said kien sostna li hu kien kontra bejgħ ta' proprjetà tal-partit.
Il-PN jiħċad l-istorja li dehret fuq il-Maltatoday...jgħid li l-Każin tan-Naxxar mhux għall-bejgħ
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ċaħad kategorigament li jinsab fis-sitwazzjoni finanzjarja prekarja 'kif intqal illum fil-ġurnal MaltaToday. Minkejja l-isfidi għal iżjed riżorsi, hija finzjoni li l-fondi tal-Partit Nazzjonalista se jwasslu biss sa l-aħħar ta’ Jannar. Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna din l-ispin li qed jagħti l-Partit Laburista fil-mezzi tax-xandir tiegħu sabiex jipprova jiddistabbilizza l-pjan ta’ ristrutturar finanzjarju li qed jimxi fuqu l-PN u li bih qed iġib il-finanzi tal-Partit fuq saqajhom. Kuntrarju ta’ dak li ntqal fil-ħarġa tal-ġurnal MaltaToday, mhux minnu li l-każin tan-Naxxar se jinbiegħ kif ġie allegat.'
Il-PN qal li l-finanzi tiegħu huma taħt kontroll u sostna li l-PL 'mhux se jirnexxilu 'jgħalaq ħalq l-Oppożizzjoni billi jiddistabilizza r-riżorsi tagħna. L-assi tal-Partit Nazzjonalista jisbqu l-obbligi finanzjarji u dan grazzi għall-għaqal li kellhom l-amministrazzjonijiet passati tal-partit u mhux billi ttieħdu propjetajiet publiċi b’valur li jaqbżu l-€10 miljun bħalma hu l-każ ta’ l-Australia Hall li Gvern Laburista irregala lill-Partit Laburista.'