Il-ftehim li kien sar bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku qabel l-elezzjoni m'għadux validu. Dan ifisser li l-koalizzjoni bejn iż-zewġ partiti m'għadhiex teżisti. Dan qalu l-Kap il-ġdid tal-PD Anthony Buttigieg li żvela kif il-PN ilu għal dan l-aħħar żmien jinjora liż-żewġ Deputati tal-PD, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia. Waqt intervista fuq Times Talk Buttigieg żvela kif il-PN ma kienx qed jinforma lid-Deputati tal-PD dwar il-pożizzjonijiet tiegħu u allura ma kienx qed jonora l-ftehom li kien sar qabel l-aħħar elezzjoni.
Buttigieg żvela wkoll kif la Marlene u lanqas Godfrey mhuma qed ikunu mistiedna għall-laqgħat tal-Grupp Parlamentari, kif kien stabbilit fl-istess ftehim li sar mal-eks kap tal-PN Simon Busuttil.
Dan qed iseħħ hekk kif ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partiti li ħadmu flimkien kontra l-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni bħala 'Front Nazzjonali' qraset sew, b'Marlene Farrugia tikteb diversi drabi li Adrian Delia mhux idoneu biex ikun Kap tal-PN. Kien dan is-sit li żvela kif Delia kien se jkollu jmur għand Farrugia biex il-PD ma joħroġx għall-Elezzjoni Każwali u b'hekk it-triq ta' Delia għall-Parlament tkun iktar faċli. Dan ma sarx hekk kif Farrugia insistiet li mhux se tikkopera ma' Delia u ħabbret li l-PD xorta kien se joħroġ għal kull elezzjoni kaċwali li ssir, kif fil-fatt ġara.