Il-Kummissjoni Dwar il-Vjolenza Domestika nediet kampanja ta’ sittax-il jum t’attiviżmu biex toħloq kuxjenza dwar il-vjolenza domestika fid-diversi forom tagħha, b’mod partikolari fuq in-nisa. B’hekk, bejn l-24 ta’ Novemru u d-9 ta’ Diċembru, din il-kampanja lokali se tingħaqad mal-kampanja internazzjonali t’attiviżmu, bit-tema ‘Love does not Hurt’.
Il-verżjoni Maltija ta’ din it-tema hi “Lil min tħobb ma tweġgħux”. Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domstika Joe Gerada spjega li ntagħżlet din it-tema għaliex ried jitwassal il-messaġġ li l-perċezjoni li l-imħabba twassal għal għira esaġerata jew saħansitra vjolenza hija żbaljata għal kollox u m’għandix tkun ittollerata. Il-kampanja se tittella’ bil-parteċipazzjoni t’għexieren t’għaqdiet mhux governattivi, professjonisti u studenti li kkollaboraw mal-Kummissjoni biex jiġu organizzati varjeta t’avvenimenti.
“Qatt ma nistgħu nitkellmu biżżejjed dwar il-vjolenza. Din hija kanċer għas-soċjetà. Kull persuna li għaddejja minn sitwazzjoni ta’ vjolenza għandna ngħinuha tkun assertiva u titkellem fuq l-esperjenza tagħha. Għalhekk huwa importanti li nkomplu nagħmlu attivitajiet li jqajmu l-kuxjenza kontra l-vjolenza biex ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li xi darba f’xi ċirkustanza din tista’ tkun aċettabbli”, qalet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar il-liġi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika u kif il-liġi se ssir iktar robusta, b’pieni iktar iebsa fuq l-aggressuri u li jipproteġu iktar lill-vittmi. “Iżda l-liġijiet mhumiex biżżejjed; il-Gvern għandu wkoll strateġija inter-ministerjali, li permezz tagħha x-xogħol jista’ jsir aħjar mal-istakeholders differenti fil-qasam tal-vjolenza.’ Il-Ministru appellat lill-ġenituri biex “jgħallmu lit-tfal, sa miċ-ċokon tagħhom, dwar l-indipendenza finanzjarja, biex qatt ma jsibu ruħhom f’sitwazzjoni abużżiva li ma jkunux f’pożizzjoni li joħorġu minnha għax jiddependu finanzjarjament mil-aggressur”.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tneda abbozz ta’ media guidelines għal konsultazzjoni pubblika dwar kif il-mezzi tax-xandir kollha għandhom jirrapportaw każijiet ta’ vjolenza domestika b’mod leali.