Miriam Dalli b'riżoluzzjoni għall-projbizzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali

L-MPE Maltija qed tmexxi l-abozzar ta' reżoluzzjoni li titlob għall-projbizzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali - Vot dwarha f'Marzu li ġej

L-MPE Laburista Miriam Dalli
L-MPE Laburista Miriam Dalli

Issa li l-Unjoni Ewropea wriet lid-dinja li l-tneħħija tal-ittestjar tal-annimali hija possibbli, il-pass li jmiss hu li din il-projbizzjoni tkun waħda dinjija. Il-MPE Laburista Miriam Dalli, koordinatur tal-Kumitat ENVI f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, qed tmexxi l-abbozzar ta’ reżoluzzjoni dwar l-importanza li ttestjar tal-animali fuq prodotti kożmetiċi jkun projbit fuq livell globali.

Ħafna drabi l-annimali huma ttestjati minn prodotti kożmetiċi...
Ħafna drabi l-annimali huma ttestjati minn prodotti kożmetiċi...

Bosta ċittadini u għaqdiet mhux governattivi madwar id-dinja huma mħassba dwar l-użu tal-annimali għall-ittestjar. Fl-istess ħin, il-projbizzjoni totali tal-Unjoni Ewropea f´dan is-sens ħalliet riżultati pożittivi.

“L-Ewropa għandha settur tal-kożmetika innovattiv u b’saħħtu u r-riċerka fuq metodi alternattivi kellhom riżultati impressjonanti,” qalet Dalli waqt li kienet qed tindirizza l-kumitat tal-ambjent fi ħdan il-Parlament Ewropew, qabel ittieħed il-vot biex ikun hemm reżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tippromwovi projbizzjoni globali. “L-UE bagħtet messaġġ b’saħħtu lid-dinja u uriet li t-tneħħija gradwali tal-projbizzjoni globali hi possibbli”.

Il-Kumitat ENVI jinsab f’kuntatt kontinwu mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea sabiex imexxi ‘l quddiem projbizzjoni globali fuq ittestjar tal-annimali, bbażata fuq il-mudell tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kożmetika.

“Ix-xjenza moderna hija bbażata fuq teknoloġija innovativa u alternattiva li ma tinvolvix annimali. Dan hu l-messaġġ li nixtiequ ngħaddu fuq livell globali. Irridu l-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Kunsill u rriduhom li jieħdu azzjoni.  Għalhekk, f’din ir-riżoluzzjoni, insaqsuhom sabiex jippromwovu projbizzjoni globali fuq ittestjar tal-annimali fil-kożmetika,” żiedet Dalli.

Barra minn hekk, waqt dibattitu fil-plenarju,  il-MPE se jkunu qed isejjħu lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jassiguraw li l-infurzar ta’ projbizzjoni globali ma’ jmurx kontra l-ftehim tal-kummerċ u r-regoli tal-Organizzazjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Il-MPE Laburista saħqet li ttestjar tal-annimali ma jfissirx li npoġġu l-ħajja tal-bniedem f’riskju:

“Lanqas ma tfisser li nwaqqfu l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda. Minflok, jistgħu jinstabu alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali li jista’ u se jkun qed itejjeb il-kwalità.” Ir-riżoluzzjoni li qed tikkordina Miriam Dalli se jkun qed jittieħed vot fuqha fil-plenarja ta’ Marzu, wara dibattitu mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.

Minkejja avvanzi leġislattivi importanti li saru, madwar 80% tal-pajjiżi madwar id-dinja iħallu ttestjar fuq l-annimali isir, kif ukoll iħallu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti kożmetiċi li jkunu ġew ttestjati fuq l-annimali.

Ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kożmetika iniżżel kundizzjonijiet li jridu jilħqu prodotti u ingredjenti kożmetiċi  sabiex jitqiegħdu fis-suq Ewropew. Din il-projbizzjoni bdiet tiġi applikata f’Marzu 2013. L-UE wriet li t-tneħħija gradwali tal-ittestjar fuq l-annimali hija possibbli.

More in Politika