Imfaħħra l-inizjattivi biex jinstab bilanċ fil-kura fit-tul li tingħata lill-anzjani

Matul dawn l-aħħar tliet snin ittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-kura li tingħata lill-anzjani

Id-Dipartment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità implimenta numru ta’ miżuri wara r-rakkomandazzjonijiet li kien ressaq l-Uffiċċju tal-Awditur (NAO) fl-2015 biex jindirizzaw setturi importanti li fuqhom l-NAO rrimarka.

Matul dawn l-aħħar tliet snin, id-Dipartment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità (AACD) saħħaħ il-kapaċità amministrattiva u biddel l-istruttura organizzattiva biex ikun jista’ jimplimenta u jagħmel monitoraġġ aħjar tal-kuntratti ma’ partijiet terzi.

Din l-istruttura organizzattiva għandha 11-il pożizzjoni li għadhom vakanti, li jinsabu fl-istadju li jimtlew. Dan jirriżulta mill-Follow-Up Rapport tal-NAO.

L-Uffiċċju tal-Awditur faħħar l-isforzi tad-Dipartiment biex isib bilanċ bejn id-domanda u l-provista ta’ servizzi ta’ kura fit-tul (LTC) għall-anzjani.

L-NAO rrimarka fil-pożittiv ukoll l-isforzi fl-inizjattivi tad-Dipartiment li tagħmel aktar aċċessibbli u jtejjeb l-użu tar-riżorsi li jipprovdu servizzi fil-komunità lill-anzjani. Żdied ukoll l-ammont tas-sodod.

L-NAO saħaq li jekk il-kwalità u d-domanda ta’ dawn is-servizzi jiġu sostnuti kontinwament, il-benefiċċji fit-tul se jwasslu biex tonqos id-domanda f’servizzi ta’ kura fit-tul.

Pass pożittiv ieħor huwa l-Att li ġie ppreżentat fil-Parlament u fil-preżent jinsab fi stadju ta’ kumitat dwar l-Istandards Minimi Nazzjonali tad-Djar tal-Kura.

Il-‘follow-up audit’ kien immirat li jara x’progress ġie rreġistrat miż-żmien tal-publikazzjoni tar-rapport f’April tal-2015, tal-‘performance audit’ dwar il-provista ta’ kura fit-tul lill-anzjani fid-djar residenzjali permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali mas-settur privat. Ir-rapport kien wettaq stħarriġ dettaljat tal-arranġamenti u l-implimentazzjoni tagħhom fid-djar tal-Mellieħa, iż-Żejtun, Roseville u Casa Leone.

Dak iż-żmien, id-Dipartiment għall-Anzjani kien responsabbli mill-implimentazzjoni tal-kuntratti, li maż-żmien saru responsabbilità tad-AACCD fil-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali.

Ir-rapport tal-2015, kien ikkonkluda li permezz ta' ftehimiet mas-settur privat kien irnexxielu jżid il-provista tas-sodda finanzjati mill-Gvern għall-kura fit-tul lill-anzjani. Wara li kien ippubblika dan ir-rapport, l-NAO kien ressaq numru ta' rakkomandazzjonijiet, li mill-konklużjonijiet tal-‘follow-up report’ jirriżulta li sar progress fil-pożittiv.

Konformi mal-Politika Starteġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva, id-Dipartiment qed jibbaża d-dħul f'residenzi għall-kura fit-tul fuq assessjar professjonali, li jikklassifika l-urġenza u l-livell tal-kura li trid tingħata.

Jirriżulta li d-Dipartiment tal-Kuntratti kien approva l-mod kif id-Dipartiment innegozja direttament mal-fornituri u timmitiga l-prezzijiet, riskju li ġeneralment huwa assoċjat mal-proċeduri tan-negozjar dirett.

Matul is-sena li għaddiet saru wkoll żewġ rapporti oħra dwar l-ispejjeż relatati mal-infermieri u dwar l-istandards tas-servizz mogħti.

Passi pożittivi oħra li saru kienu it-tisħiħ tas-servizzi tal-Meals on Wheels u Telecare. Mill-‘follow-up report’ tal-NAO ħareġ li d-Dipartiment ma daħalx aktar f’kuntratt tat-tip ‘public private partnership’ wara l-awditjar tal-2015.

More in Politika