Għall-bejgħ: kwistjonijiet etiċi, soċjali u reliġjużi
Fit-tieni parti ta' din l-analiżi, L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aspetti etiċi, soċjali u reliġjużi li jiċċentraw mat-teknloġiji tar-riproduzzjoni assistita
minn Liam Carter
Ħafna mill-kwistjonijiet etiċi fit-trattament tal-fertilità jikkonċernaw il-fehmiet personali tal-individwu meta tibda l-ħajja. Pereżempju l-Knisja Kattolika, temmen li l-ħajja tibda fil-mument tal-konċepiment, u tippermetti biss il-fertilizzazzjoni tal-bajd li se jintuża, filwaqt hi wkoll li tinsisti fuq l-impjantazzjoni tal-embrijuni vijabbli kollha.
Kull forma ta’ prokreazzjoni assistita mit-teknloġija medika, iġġib magħha mistqosijiet etiċi, soċjali u reliġjużi pertinenti.
Id-donazzjoni tal-isperma u l-mistoqsijiet dwarha
Il-ħolqien u l-bejgħ kummerċjali ta' embrijuni, jippreżentawlna serje ta' mistoqsijiet etiċi li jqanqlu tħassib serju. L-ewwel nett, dwar id-drittijiet tat-tfal li għadhom ma tweldux u l-kapaċità tagħhom li jkunu jafu l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.
Mill-bidu, kumpaniji li jaħżnu l-isperma jixtiequ li jżommu d-donaturi anonimi. Ħafna minn dawn l-ulied għalhekk qatt mhuma se jkunu jaf min huma l-veru ġenituri bijoloġiċi tagħhom. Dan il-fatt jista' jkun importanti għal dawn l-individwi hekk kif in-nuqqas ta' dan l-għarfien jista' jfixkel is-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom.
It-tieni nett, hemm diversi argumenti u mistoqsijiet fuq jekk il-ġenituri prospettivi għandhomx ikollhom il-possibbiltà li jħallsu somom ta’ flus sabiex ifittxu karatteristiċi speċifiċi fi trabi pereżempju skont it-tul jew bil-kulur tal-għajnejn jew tax-xagħar.
Apparti minn hekk, hemm diversi dilemmi madwar il-kreazzjoni tal-embrijuni, fosthom id-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe embrijoni li jkun fadal.
Id-donazzjoni tal-ova u l-mistqosijiet dwarha
Bosta esperti ħafna drabi jitfgħu dubju dwar il-kunsens involut fil-proċess ta' donazzjoni tal-bajd. Dan għaliex f’każ fejn inċentivi finanzjarji għoljin huma offruti lid-donaturi, dawn jistgħu jipprovdu pressjoni jew koerzjoni li tfixkel il-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet ċari u infurmati.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-donaturi tal-bajd fl-Istati Uniti jirċievu madwar $4,000 bħala kumpens, ċertu reklami kurrenti joffru sa $100,000 għal donaturi żgħażagħ b'saħħithom b'karatteristiċi "mixtieqa".
L-istudji juru li n-nisa li jagħmlu donazzjoni għal raġunijiet finanzjarji jsofru aktar diffikultajiet emozzjonali mill-proċedura u x’aktarx jiddispjaċihom mid-deċiżjoni tagħhom. In-natura ferm teknika tar-riproduzzjoni assistita teknoloġika tista' wkoll toħloq mistoqsija ta’ etika dan għaliex id-donaturi jistgħu ma jifhmux bis-sħiħ ir-riskji potenzjali u l-għażliet ta' trattament mingħajr sfond sostanzjali fil-bijoloġija u l-mediċina.
Apparti minn hekk, ħafna esperti huma tal-fehma li minħabba n-nuqqas ta’ donaturi kkwalifikati tal-bajd, it-trattamenti tal-infertilità huma suġġetti għal inġustizzja. B'nuqqas ta' donaturi tal-bajd, it-tobba jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu l-aħjar trattament lill-pazjenti infertili tagħhom, u jagħmlu r-reklutaġġ tad-donatur meħtieġ.
Dan iwassal għal konflitt ta' interess fil-ħtieġa tat-tabib biex iservi lill-pazjenti tiegħu billi jinkoraġġixxi donazzjoni minn nisa żgħażagħ u r-responsabbiltà tiegħu li jipproteġi s-saħħa ta' dawn id-donaturi li altrimenti ma jkunux involuti fir-riskji mediċi tal-proċedura.
Għaldaqstant, l-użu ta' dawn il-mediċini beda reċentement, u għadhom iridu jsiru studji lonġitudinali dwar l-effetti tagħhom għat-tul. Għalkemm is-Soċjetà Amerikana għall-Mediċina Riproduttiva tirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar studju, hi ta’ tħassib il-frekwenza ta' rapporti kliniċi li jgħaqqdu flimkien il-proċess ma’ mard bħal b'kanċer tal-ovarji. Riskji dokumentati oħra jinkludu; trawma fl-ovarji, infezzjoni, infertilità u laċerazzjonijiet.
Fl-aħħar nett il-prinċipju ta' prekawzjoni, kunċett ta' etika medika li jħeġġeġ użu limitat ta teknoloġiji fin-nuqqas ta' informazzjoni konklużiva dwar effetti fit-tul, jidher li jiskoraġġixxi l-prattika tad-donazzjoni tal-bajd fost nisa żgħażagħ b'saħħithom. Speċjalment għal din il-proċedura, mingħajr benefiċċju ċar għad-donatur u ħafna riskji potenzjali, jistgħu jinqalgħu mistoqsijiet etiċi serji.
Il-kirja tal-ġuf u l-mistoqsijiet dwarha
L-argumenti rigward il-kiri tal-ġuf, magħrufa bl-Ingliż bħala surrogacy, ġeneralment jinvolvu diversi saffi kumplessi fosthom l-emozzjonalita, drittijiet ta' awtonomija tal-ġisem, u kwistjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
L-aħħar punt joħloq klima ta’ dibattitu waħdu hekk kif, nisa minn pajjiżi tat-tielet dinja sikwit ikunu reklutati għal surrogacy. Kritiċi jargumentaw li l-esternalizzazzjoni ta 'surrogacy lejn dawn it-tip ta’ pajjiżi, fejn sikwit jinvolvu ħlas attraenti għas-servizzi tal-ġisem hu ta’ disprezz lejn l-omm surrogata u jargumentaw ukoll fuq il-punt li jisfrutta l-organi riproduttivi tagħha u l-kapaċità għall-qligħ personali tal-għonja.
Kritiċi voċiferi tal-kiri tal-ġuf bħal, Dr John Lantos miċ-Ċentru għall-Bijotetika Prattika f'Kansas City isostni li l-prattika f’pajjiżi tat-tielet dinja, toħloq ir-riskju ta' ‘rziezet’ tat-trabi.
Madankollu, dawk li jappoġġjaw il-kiri tal-ġuf, jenfasizzaw fuq l-opportunitajiet ekonomiċi enormi għal dawn in-nisa fid-dawl tal-isfond edukattiv u ċ-ċirkostanzi soċjali tagħhom. Jekk il-kuntratti ta' surrogacy huma trasparenti u l-ommijiet sostituti huma protetti minn liġijiet adegwati, wieħed jista' jargumenta li d-dħul għall-ommijiet twassal għal titjib fil-ħajja personali tagħhom.
Apparti minn dan, jeżistu wkoll kwistjonijiet ta’ koerzjoni u kontroll fuq il-kapaċitajiet riproduttivi tan-nisa. Gruppi femministi jargumentaw li d-drittijiet ugwali għan-nisa jfisser li l-mara għandha tkun libera li tagħżel għaliha nnfisha l-istil ta’ ħajja li trid tgħix, il-libertà sesswali u riproduttiva. Hemm ukoll argumenti bbażati fuq il-punt ta’ demokrazija li jsostnu l-ħtieġa għal-libertà riproduttiva, filwaqt li jikrittikaw id-dritt tal-gvern li jintervjeni f’kwistjonijiet ta' għażla personali.
Id-dibattitu etiku dwar il-kiri tal-ġuf għandu wkoll għeruq reliġjużi. Notevolment waħda mill-ewwel referenzi antiki għall-infertilità tinsab fil-Ġenesi, meta l-mara ta’ Ġakobb, ma setgħetx ikollha tfal.
Id-dikjarazzjoni tal-Knisja Kattolika dwar ir-riproduzzjoni assistita hija ċara: ir-riproduzzjoni assistita mhix aċċettata filwaqt li l-Knisja Ortodossa tal-Lvant tappoġġja trattament mediku u kirurġiku ta’ infertilità. Il-liġi Islamika min-naħa tagħha, tħeġġeġ it-tentattivi biex tfejjaq l-infertilità, iżda biss sa fejn it-teknoloġiji IVF jinvolvu r-raġel u l-mara.
Il-pożizzjoni tal-Partiti Politiċi f’Malta
Fit-13 ta’ Novembru ili għadda, ir-rappreżentati tal-poplu Malti fil-Parlament iskrutinizzaw mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista.
Il-mozzjoni kienet immotivata mill-avviż legali li ġie introdott mill-Gvern fit-30 ta' Mejju illi għadda. L-avviż legali jagħti 60 siegħa ta’ frank, lill-impjegati li jkunu se jgħaddu mit-trattament tal-IVF u 40 siegħa oħra lill-ġenitur prospettiv l-ieħor. Il-leave jista' jittieħed kollu f'daqqa jew maqsum f'perjodi ta' żmien differenti skont in-natura tat-trattament, u huwa applikabbli kemm għall-impjegati fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat.
Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nazzjonalista sostna li l-avviż legali propost mill-Gvern, jikser l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun stabbilit fl-2012. Għalhekk huma talbu emenda għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni tal-2012 jekk id-definizzjoni ta' ‘ġenituri’ prospettivi kellha tkun differenti fl-avviż legali ġdid.
Fl-aħħar mill-aħħar din il-mozzjoni lanqas biss ma rnexxielha tikseb l-appoġġ kollu tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista, hekk kif sitt membri parlamentari Nazzjonalista astjenew mill-votazzjoni.
Intant, lura għall-2015, l-eks Kumissajru għat-tfal Helen D’Amato sostniet li d-donazzjoni tal-isperma u tal-ova, ma għandhomx ikunu legali.
Tista taqra l-ewwel parti ta' din l-analiżi hawnhekk.