[Dan l-artiklu jkompli minn ieħor qablu dwar ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud]
Meta kien qed jixhed fil-Qorti, hekk kif il-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jinsab fit-tieni jum tiegħu, l-Ispettur Kurt Zahra jpinġi xena ferm makabra ta' dak illi sab ftit wara li seħħet l-isplużjoni li ħalliet lill-ġurnalista bla ħajja.
Zahra, fix-xhieda tiegħu, qal illi malli wasal fuq il-post, apparti biċċiet tal-karozza illi kienet fiha DCG hu ra wkoll biċċiet minn ġisimha madwar l-għalqa fejn seħħet it-traġedja.
Ikompli jgħid illi mumenti wara li wasal tkellem ma' Matthew Caruana Galizia, li kien qiegħed id-dar u li sema' l-bomba. Dan, malli sema' l-isplużjoni ħareġ u sab karozza qed taqbad.
Ftit wara rriżulta li Caruana Galizia kellu argument ma' ċertu Mario Vella li kien jidher li qed jieħu ritratti bil-mowbajl tiegħu. F'dan il-mument Caruana Galizia sabbatlu l-mowbajl mal-art wara li wera' li ma xtaqx min jieħu ritratti, f'liema punt it-tnejn ġew fl-idejn.
Resdenti fil-viċinanzi qalu li raw karozza tal-kiri ssuq fiż-żona xi drabi qabel l-isplużjoni.
Ta' interess partikolari fix-xhieda ta' Kurt Zahra huwa li mill-kuntatt li kellu ma' Caruana Galizia, jirriżulta li Matthew kien qed juża l-karozza ta' ommu qabel ma fil-fatt seħħet it-traġedja.
Fix-xhieda jirriżulta li hu kien qed juża l-istess karozza sal-ġurnata ta' qabel stess, il-Ħadd. Dakinhar mar biha jgħum l-Exiles. Meta rritorna ħalliha ħdejn il-grada u ħaditha ommu biex marret tieġu kafè n-Naxxar.
Minkejja dan, kienet DCG li kriet il-karozza, hekk kif kienet se tidħol f'kirja ta' karozza għal ħames snin. Il-karozza li kienet fiha kienet sempliċiment waħda temporanja.
Hekk kif imbagħad tela' jixhed Peter Caruana Galizia spjega kif il-karozza kienet tużaha hi, imma peress li ma tantx kienet toħroġ. "meta jiġu t-tfal kienu jużawha huma."
Caruana Galizia spjega wkoll kif dakinhar li Daphne Caruana Galizia nqatlet, il-karozza tħalliet barra minn Matthew għall-ebda raġuni, meta s-soltu kienet tkun iggaraxxjata. Hu jispjega kif sar jaf bil-qtil meta Andrew, ibnu, daħal fl-uffiċċju fejn kien jaħdem 'abjad karti' u qallu bl-aħbar tal-isplużjoni.
Caruana Galizia jispjega kif meta waslu l-Bidnija l-ewwel ħaġa li staqsa huwa jekk martu kinitx mejta.
Il-każ se jkompli jinstema' għada meta mistenni jkun deċiż jekk it-tliet imputati jitpoġġewx taħt Att ta' Akkuża.