‘Se nkomplu nopponu kull attentat mill-Ewropa għal armonizzar fit-taxxa’

Minkejja vot fil-Parlament Ewropew u pressjoni li qed issir biex il-pajjiżi tal-UE jkollhom rata komuni ta’ taxxi, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri huwa determinat li Malta tiġġilidha sal-aħħar

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri | Ritratt James Bianchi
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri | Ritratt James Bianchi

F’kummenti ma’ din il-gazzetta s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, li għandu r-responsabilità tas-Servizzi Finanzjarji bħala parti mill-portafoll tiegħu, jinsisti li minkejja pressjonijiet mill-UE Malta se tkompli topponi “bis-saħħa” kull attentat għal armonizzazzjoni fit-taxxa fl-Istati Membri.

Dan hekk kif hemm diversi organizzazzjonijiet Ewropej, bħall-Oxfam u numru dejjem jikber ta’ Membri Parlamentari Ewropej (MEP) li qed jirreżistu sistemi preferenzjali ta’ taxxi, bħalm’għandha Malta, biex tkun tista’ tattira kumpaniji barranin, jew kumpaniji li jridu jiddikjraw il-profitti tagħhom f’Malta.

Mal-ILLUM Schembri huwa inekwivoku; “L-armonizzazzjoni tat-taxxa hija xi ħaġa li bħala pajjiż ma naqblux magħha u ma naqblux magħha bis-saħħa. Din is-sistema ma naqblux magħha għax hija one size fits all fejn ma tteħdux inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ stati żgħar bħal Malta.”

Meta mistoqsi minn din il-gazzetta jekk il-Gvern hux lest li jieħu miżuri drastiċi, bħal veto, biex jipproteġi l-interessi ta’ Malta Schembri saħaq illi Malta se tibqa’ tuża “kull mezz possibbli biex tħares l-interessi tagħha, għax din is-sistema kapaċi tkisser il-kompettività tagħna. Se nagħmlu minn kollox biex leġiżlazzjoni li tkun ta’ ħsara għalina, ma tgħaddix.”

Nhar it-13 ta' Diċembru li għadda numru ugwali ta’ MEPs ivvutaw kontra u favur proposta biex Malta, flimkien ma’ tliet pajjiżi oħrajn, ikunu meqjusin bħala ‘tax havens’. Malta kienet vot wieħed biss ’il bogħod milli fil-fatt titniżżel fuq din il-lista. Schembri dan ma jinkwetahx?

L-armonizzazzjoni tat-taxxa hija xi ħaġa li bħala pajjiż ma naqblux magħha u ma naqblux magħha bis-saħħa Silvio Schembri

Is-Segretarju Parlamentari fakkar illi kien il-Kumitat PANA stess li kkonferma illi Malta timxi mal-liġijiet Ewropej kif ukoll ma’ dawk tal-OECD u għaldaqstant ma ġietx ikklassifikata bħala ‘tax haven’.

“Filwaqt li wieħed irid jinnota l-vot fil-Parlament Ewropew, is-serjetà li biha jimxu l-Istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna hija inekwivoka u r-riżultati li qed nikbsu huma xhieda ta’ dan. Dan huwa ta’ serħan il-moħħ għall-pajjiżna,” sostna Schembri.

“Minkejja dan,” kompla jgħid Schembri ma’ din il-gazzetta, “pajjiżna jrid jibqa’ jaħdem sabiex ikompli jikseb aktar riżultati u dan billi fost l-oħrajn ikompli jsaħħaħ id ir-regolatur. Huwa għalhekk li ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika sabiex tkun imsaħħa l-MFSA.”

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar illi ċ-Chairperson il-ġdid tal-MFSA huwa John Mamo, ħatra li sabet ukoll il-qbil u l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista.

Din il-gazzetta staqsiet lil Schembri biex jispeċifika iżda x’tip ta’ miżuri se jkun qed jieħu l-Gvern biex jaċċerta s-sostenibbiltà ta’ dan is-settur u biex ineħħi xi ftit mid-dawl li għandi fuqu bħalissa. Huwa jfakkar illi l-Gvern għadu kemm daħħal fis-seħħ ir-raba’ direttiva tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus, it-traspożizzjoni tal-MiFID II li se tagħti protezzjoni akbar lill-konsumatur iżda anke se ssaħħaħ is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna u se jitnieda wkoll dokument għall-konsultazzjoni bil-għan li tkun imsaħħa l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).” 

Schembri temm jgħid li apparti dan kollu qed issir ħidma sabiex Malta tibqa’ kompettitiva billi jkunu attirati kumpaniji fil-qasam tal-Fintech u RegTech lejn Malta u anke titnieda konsultazzjoni dwar l-użu tal-cryptocurrencies.

Il-FinTech u RegTech huma teknoloġiji ġodda f’dak li jirrigwarda servizzi finanzjarji.

 

 

More in Politika