Is-Suq tal-Belt se jiftaħ uffiċjalment nhar l-Erbgħa

Ikel, artiġjanat u arti fi żvilupp ta’ €14-il miljun li se jimpjega 250 persuna u jagħti ħajja mill-ġdid lis-suq tal-Belt

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Wara investiment ta’ aktar minn €14-il miljun, nhar l-Erbgħa li ġej se jerġa’ jiftaħ uffiċjalment is-Suq tal-Belt, liema proġett sar bħala parti mir-restawr abbinat għall-V18, iż-żmien meta l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Dan hekk kif il-parti li takkomoda l-kafeteriji u l-postijiet tal-ikel kienu diġà aċċessibbli għall-pubbliku matul dawn l-aħħar ġranet tal-Milied.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-binja kienet ingħatat b’ċens għall-perjodu ta’ 65 sena lill-kumpanija Arkadia Group wara approvazzjoni unanima li kien hemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex isir dan l-iżvilupp. 

Id-disinn tal-binja l-ġdida tas-Suq tal-Belt sar mill-perit Taljan Marco Casamonti u se jkun qed jamalgama flimkien l-ikel u l-arti mal-prodotti artiġġjanali u dawk tradizzjonali Maltin.

Is-Suq tal-Belt se jkun maqsum fi tliet taqsimiet li jinkludu spazju kulturali, parti kummerċjali u żona oħra ta’ ikel tradizzjonali fosthom prodotti tal-laħam, frott u ħaxix, ħut u furnar.

Iż-żona allokata għall-arti u l-kultura se tkun aċċessibbli għall-pubbliku minn Frar li ġej. 

Fis-Suq tal-Belt sar restawr estensiv ta’ partijiet antiki tal-binja fosthom il-kantina, l-istrutturi tal-azzar u s-saqaf, li huma karatteristiċi ewlenin tal-post li fil-passat kien inbena mill-Imperu Ingliż.

Sar restawr estensiv ukoll ta’ fdalijiet li nstabu waqt ix-xogħlijiet tal-iżvilupp u li se jkun possibbli li jitgawdew min-nies li se jżuru l-post.

Il-postijiet kummerċjali li ġew allokati fis-Suq tal-Belt se jkunu qed joffru x-xogħol lil 250 persuna.

More in Politika