Xi kumpaniji tal-mowbajl jagħmlu profitti ta' 5,000% fuq kull telefonata internazzjonali

L-MEP Maltija Marlene Mizzi tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja roħs fuq telefonati u SMSs internazzjonali

L-MPE Marlene Mizzi ħeġġet lill-Kummissjoni għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, biex tappoġġja l-isforzi tal-Parlament Ewropew biex jitnaqqsu t-tariffi fuq telefonati u SMSs internazzjonali, u biex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur taħt ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni.

Fir-rwol tagħha bħala shadow rapporteur tal-S&D fuq it-telekomunikazzjoni li tirrappreżenta l-konsumaturi u s-suq intern fin-negozjati li għaddejjin dwar l-abbozz il-ġdid dwar it-telekomunikazzjoni, Marlene Mizzi talbet lill-Kummissarju Gabriel biex tispjega x’inhi l-perspettiva tal-Kummissjoni dwar telefonati internazzjonali tal-UE u dwar il-livell ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fi Stati Membri differenti.

Marlene Mizzi qalet li “saru studji li juru li f’xi Stati Membri l-fornituri tal-mobile qed jagħmlu medja ta’ marġini ta’ profitt ta’ 5,000%  fuq kull telefonata internazzjonali. Minbarra hekk, bl-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming, issa sar irħas għall-konsumatur li jaqsam il-fruntiera jagħmel it-telefonata internazzjonali waqt li jkun qiegħed jagħmel roaming.”

“Din hija problema li trid tiġi solvuta. B’differenza mir-roaming, li tolqot biss lil dawk il-konsumaturi li jivvjaġġaw fl-UE, prezzijiet abbużivi fuq telefonati u messaġġi internazzjonali jaffettwaw lil kull konsumatur tal-UE li jridu jikkomunikaw ma’ persuna, organizzazzjoni jew kumpanija fi Stat Membru differenti,” qalet Marlene Mizzi.

“Ir-regoli tat-telekomunikazzjoni l-ġodda jridu jipprovdu garanzija lill-konsumaturi biex ma jkollhomx iħallsu prezzijiet abbużivi u mhux ġustifikati, meta jċemplu jew jibagħtu messaġġi f’pajjiżi oħrajn tal-UE,” qalet l-MPE Mizzi lill-Kummissarju Gabriel.

Marlene Mizzi wriet ukoll it-tħassib tagħha dwar il-perspettiva tal-Kummissjoni dwar il-livell ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni qiegħda tissuġġerixxi approċċ li jista’ jħalli impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-konsumaturi f’dawn l-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali diġà tipprovdi livell għoli ħafna ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

“F’settur tant dinamiku bħalma hu s-settur tal-komunikazzjoni, inflessibilità simili tista’ tkun ta’ detriment għall-konsumaturi. Ir-regoli l-ġodda m’għandhomx itellfu lill-gvernijiet u r-regolaturi nazzjonali milli jirreaġixxu għal żviluppi problematiċi fis-swieq tagħhom u bl-ebda mod m’għandhom ibaxxu l-livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur fejn dan diġà qiegħed hemm,” temmet tgħid l-MPE Marlene Mizzi.

l-MEP Marlene Mizzi
l-MEP Marlene Mizzi

More in Politika