Se tkun ġurnata ħażina, mill-ħafna dan l-aħħar, għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar hekk kif ftit mumenti biss wara li Graziella Galea ħabbret li se tirreżenja minn Sindku nistgħu niżvelaw illi se jirreżenja Kunsillier ieħor, din id-darba mill-Partit Laburista.
Raymond Tabone tefa' r-riżenja tiegħu mill-Kunsill ftit tal-ħin. Mill-ewwel informazzjoni li għandu dan is-sit jidher li Tabone rriżenja minħabba li ngħata promozzjoni għal Direttur fid-Diviżjoni responsabbli mir-Restawr, li magħha ilu jaħdem għal numru ta' snin. B'hekk hu ma jistax jibqa' jokkupa kariga pubblika.
Tabone ilu fil-Kunsill mill-1999 u kien Sindku għal ftit iktar minn sena, sal-2015 meta saret l-elezzjoni u kien elett l-ewwel Kunsill b'maġġoranza Laburista.
Graziella Galea ħabbret ir-riżenja tagħha minn Sindku madwar siegħa ilu biss. Hija qalet illi gġamlet dan kontra qalbha, minħabba persuni fil-Kunsill li m'aċċettawx ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali.
Dik ta' Tabone se tkompli tiggrava s-sitwazzjoni ta' ġlied u riżenji li ddominaw lil dan il-kunsill f'dawn l-aħħar xhur u li ġabuh f'sitwazzjoni fejn bilkemm seta' jopera.