Studenti jippreżentaw ‘policies’ dwar l-Ewropa lill-Kummissarju Ewropew Navracsics
L-istudenti ddiskutew ukoll l-isfidi relatati mal-programm tal-Erasmus+
More in Politika
L-istudenti ddiskutew ukoll l-isfidi relatati mal-programm tal-Erasmus+
Membri tal-Studenti Demokratiċi Ewropej (EDS) u l-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM), li hija l-organizzazzjoni Maltija tal-EDS, ressqu policies dwar il-futur tal-Ewropa waqt laqgħa li kellhom mal-Kummissarju Ewropew Tibor Navracsics.
Iż-żewġ organizzazzjonijiet studenteski esprimew sodisfazzjoni li l-Belt Valletta qed tospita l-Belt Ewropea tal-Kultura għall-2018. Sostnew li din hija opportunità għaż-żgħażagħ sabiex ikunu involuti aktar fl-avvenimenti kulturali li se jiġu organizzati madwar il-gżira.
Matul din il-laqgħa li saret fil-Belt Valletta, l-EDS ippreżentat il-manifest elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jsiru madwar l-Ewropa s-sena d-dieħla. Ix-xahar id-dieħel, il-Parlament Ewropew se jkun qed jippreżenta rapport fuq il-mod kif se jkun magħmul dan il-parlament wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
L-istudenti ddiskutew ukoll l-isfidi relatati mal-programm tal-Erasmus+. Saħqu fuq il-ħtieġa li dan il-programm jibqa’ jiġi rreklamat fost iż-żgħażagħ. Mal-Kummissarju Ewropew, l-istudenti ddiskutew ir-riformi li jinsabu għaddejjin għall-European Solidarity Corps, li tagħti l-appoġġ lill-voluntiera żgħażagħ, u enfasizzaw li jkun hemm fondi indipendenti mill-Erasmus+.
Min-naħa tagħhom, l-istudenti tal-SDM taw ħarsa lejn l-impenn tagħhom li jinvolvu studenti minn ħames istituzzjonijiet edukattivi differenti f’Malta u Għawdex. Taw rendikont tal-kampanja nazzjonali dwar l-attiviżmu studentesk u ppreżentaw l-kampanji għall-Università ta’ Malta u l-istituzzjonijiet l-oħra. Id-delegazzjoni tal-istudenti kienet immexxija miċ-Chairman tal-EDS Virgilio Falco, il-Viċi Chairman Beppe Galea u l-President tal-SDM Neil Smart Costantino.