Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar numru ta’ skemi għal dawk kollha se jkunu qegħdin ineħħu vettura qadima mit-triq biex jixtru waħda aktar ġdida u li tniġġes anqas.
L-akbar fond allokat se jkun ta’ dak ta’ miljun ewro, li se jkun disponibbli għal dawk li jiskrappjaw vetturi qodma biex jixtru vetturi ġodda taħt il-kategorija M1, fosthom ‘hybrids’ ta’ dan it-tip u jkunu jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €2,000, bl-akbar benefiċċju jmur għall-vetturi li jħammġu l-inqas.
Is-sena li għaddiet, l-istess skema rat 1,557 applikazzjoni għal karozzi ta’ din il-kategorija u 128 għal vetturi ‘hybrid’ tal-istess tip. €500,000 oħra ġew allokati għal dawk li jixtru vetturi elettriċi, ‘plug-in hybrids’ u ‘quad bikes’ elettriċi, li jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €7,000 jekk ix-xiri jkun abbinat ma’ skrappjar ta’ vettura antika.
Kumpaniji ta’ vetturi kummerjali jistgħu jingħataw sa €200,000 minn din l-iskema jekk ibiddlu l-flotta tagħhom f’waħda elettrika.
Dawk kollha li huma mħajra jaqilbu s-sistema tal-fjuwil tal-karozzi tagħhom għal autogas jew LPG jistgħu jibbenefikaw minn €200 li joħorġu minn allokazzjoni ta’ €50,000 oħra. Dawk kollha li jixtru ‘pedelecs’ ġodda jew muturi, mopeds, tricycles jew quad bikes, li jkunu elettriċi jingħataw sa €400 f’benefiċċju minn fond ta’ €100,000.
Il-Ministru Ian Borg ħabbar ukoll skema li se tippromwovi l-aċċessibilità, fejn il-Gvern alloka €100,000 għal skema li tagħti sa €10,000 meta wieħed jirreġistra ‘taxi’ jew vettura misjuqa minn xufier li hija aċċessibbli għas-siġġu bir-roti meta abbinata mal-iskrappjar ta’ vettura antika, b’benefiċċju sa €100,00 fis-sena.
Se tingħata għajnuna wkoll lil dawk l-importaturi tal-karozzi ġodda li jitħajru jattrezzaw il-garaxx tagħhom biex ikunu jistgħu jagħtu ‘service’ lill-karozzi elettriċi u jħarrġu lill-impjegati. Kull garaxx jista’ jingħata sa massimu ta’ €20,000 minn fond ta’ €80,000.
Huwa ddeskriva dawn l-iskemi bħala opportunità sabiex wieħed jibbenefika filwaqt li jgħin fil-ħarsien tal-ambjent billi jinvesti f’mezz tat-trasport aktar nadif.