Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Marlene Mizzi hija l-unika MEP Maltija li ġiet nominata f'lista sħiħa ta' MEPs minn madwar l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, għall-MEP Awards 2018.
Mizzi, ġiet nominata flimkien ma' tliet MEPs oħrajn għall-premju tas-'Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur', minn total ta' 751 MEP.
Iż-żewġ MEPs l-oħrajn huma, s-Soċjalista Maria Grapini li kienet parti mid-Delegazzjoni li ġiet Malta f'Diċembru u li stħarrġet aktar is-saltna tad-dritt f'pajjiżna u Daniel Dalton, MEP Ingliż.
Marlene Mizzi, kienet membru tat-tim ta’ negozjaturi dwar il-leġiżlazzjoni tar-roaming, li wassal biex it-tariffi tar-roaming twaqqfu, f'Ġunju tas-sena l-oħra.
Dakinhar Mizzi kienet sostniet hekk; “Mil-lum, it-tariffi tar-roaming se jsiru xi ħaġa tal-imgħoddi u fi ftit żmien in-nies lanqas biss jibqgħu jiftakru li kienu jeżistu. L-Ewropej li jivvjaġġaw fil-pajjiżi tal-UE se jkunu qegħdin iħallsu l-prezz domestiku għal roaming fuq telefonati bil-vuċi, SMSs u data, u dan ifisser li mhux se jkun hemm spejjeż żejda għall-użu tal-mobile meta tkun barra.”
Il-Premju għall-MEPs qed isir minn 'The Parliament Magazine' li jiffoka fuq dak kollu li jitratta l-UE, b'taħlita ta' ġurnaliżmu, kummenti, rapporti u analiżi.
Fl-ewwel reazzjoni tagħha fuq il-paġna tagħha ta' Facebook Mizzi qalet illi tinsab ferm kburija li b'ħidmietha tista' tħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja ta' miljuni ta' persuni. "Ninsab determinata li nkompli naħdem fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Ewropej. Grazzi tal-fiduċja u l-appoġġ li turu fija."